Thursday, July 10, 2025

“Dire Straits Legacy mhux biss tribute band imma kontinwazzjoni naturali tal-mużika li ħloqna flimkien”

- Alan Clark - ko-fundatur u pjanist ewlieni tar-rock band leġġendarja, Dire Straits

Aqra wkoll

Il-lejla tal-9 ta’ Lulju 2025 kienet waħda memorabbli għas-segwaċi tal-mużika f’Malta, hekk kif il-grupp Dire Straits Legacy (DSL) ittella’ għall-ewwel darba fuq il-palk lokali bħala l-headliners tal-ewwel edizzjoni tal-Ħamrun Music Fest, festival li qabel kien magħruf bħala Summer Vibes. Fuq il-palk, fost il-mużiċisti stabbiliti daqqew diski klassiċi bħalma huma Sultans of Swing, Money for Nothing, Romeo and Juliet, u Brothers in Arms. Dawn il-kanzunetti litteralment jiġru fid-demm ta’ Alan Clark, il-pjanist oriġinali u l-ewwel membru full-time ta’ Dire Straits. 

Dan il-ġurnal kellu l-okkażjoni li jiltaqa’ personalment ma’ Clark, ftit sigħat qabel ma ta l-wirja tiegħu fil-palk tal-grounds tal-Iskola tal-Mużika tal-Ħamrun.

Imwieled fl-1952 f’Great Lumley, fir-reġjun ta’ County Durham fir-Renju Unit, Alan Clark beda jdoqq il-pjanu minn età żgħira ħafna. “Kelli passjoni għal kollox – mużika klassika, blues, jazz u rock,” qalilna b’ton umli u riflessiv. It-taħlita ta’ dixxiplini mużikali għenuh sabiex ikun mużiċist versatili li komplew żviluppaw il-ħiliet tiegħu.

Fis-snin 70, Clark diġà kien stabbilixxa ismu bħala wieħed mill-aktar mużiċist tal-keyboard imfittxija fis-sessjonijiet li kien jagħti fir-Renju Unit. Imma fl-1980 ġiet waħda mill-akbar bidliet f’ħajtu, meta ngħaqad uffiċjalment ma’ Dire Straits, dak iż-żmien kwartett magħruf li kien għadu kemm beda jsir fenomenu mużikali. Huwa sar l-ewwel membru li ngħaqad mal-fundaturi oriġinali, b’mod permanenti. 

“Il-bidu tiegħi ma’ Dire Straits kien fuq Making Movies,” qalilna Alan. “Hu wieħed mill-albums li għadu għal qalbi sal-lum.” F’din il-produzzjoni, li ħarġet fl-1980, il-pjanu tiegħu daħlu b’qawwa fil-ħoss distintiv tal-grupp. Minn hemm ‘il quddiem, l-influwenza tiegħu kibret b’album wara l-ieħor u s-suċċess beda ġej waħdu.

Fl-album Love Over Gold li ħareġ fl-1982, il-ħila tiegħu li jgħaqqad il-ġeneru klassiku u rock ħarġet b’mod partikolari fuq Telegraph Road, biċċa mużikali ta’ aktar minn 14-il minuta li hija meqjusa bħala wieħed mill-kapolavuri ta’ kull żmien. Fl-1985, fuq Brothers in Arms, album li biegħ aktar minn 30 miljun kopja madwar id-dinja, Clark kellu rwol ċentrali fil-produzzjoni, speċjalment fil-bidliet emozzjonali ta’ Your Latest Trick u Why Worry.

“Dak il-ħin konna nħossu li konna qed nagħmlu xi ħaġa speċjali – mhux biss hits għal fuq ir-radju, imma mużika li tibqa’ tagħti sens snin wara, xi ħaġa li llum il-ġurnata tidher rari minħabba li wara ftit ġimgħat, ċerti diski jispiċċaw u jintesew.

Meta Dire Straits ġew fi tmiemhom fl-ewwel nofs tas-snin disgħin, Clark baqa’ attiv fix-xena mużikali, jikkollabora ma’ ismijiet leġġendarji bħal Eric Clapton, Bob Dylan, Tina Turner u Roger Daltrey. Ħafna drabi kien ukoll direttur mużikali fil-proġetti tagħhom, sforz kemm dawn l-artisti poġġew aktar fiduċja fil-prodott tiegħu.

F’dawn l-aħħar snin, flimkien ma’ ex-membri oħra ta’ Dire Straits fosthom Phil Palmer, Danny Cummings, u Mel Collins . Alan Clark waqqaf il-proġett Dire Straits Legacy, bl-iskop li jqajjem mill-ġdid il-memorja tal-grupp u l-ħoss uniku li għamlu storja fil-mużika rock.

Dire Straits Legacy (DSL) hija inizjattiva mużikali unika li twaqqfet minn ex-membri tal-grupp leġġendarju Brittaniku Dire Straits, bil-għan li jerġgħu jqajmu l-ħoss uniku tal-grupp oriġinali, l-ispirtu u l-memorja ta’ wieħed mill-aktar bands influwenti fis-snin 80 u 90.

Il-band oriġinali Dire Straits, immexxija minn Mark Knopfler, kienet magħrufa għall-kombinazzjoni ta’ ħoss rock eleganti, storja f’kull lirika, u prestazzjoni mużikali bla paragun. Kanzunetti bħal Sultans of Swing, Romeo and Juliet, Brothers in Arms u Money for Nothing għadhom meqjusa bħala klassiċi tal-ġeneru.

DSL tagħti dan il-katalgu leġġendarju ħajja ġdida fuq il-palk b’interpretazzjonijiet awtentiċi u enerġetiċi, filwaqt li żżid element kontemporanju u personali. Mhux biss jdoqqu l-kanzunetti l-antiki b’dedikazzjoni u preċiżjoni, iżda wkoll jippromwovu mużika oriġinali li tibqa’ fid-dinja ta’ Dire Straits imma bl-identità tagħhom stess. 

Il-proġett ħa ħsieb mhux biss li joffri spettaklu nostalġiku, imma wkoll li jgħaqqad ġenerazzjonijiet ġodda mal-mużika li għal ħafna tibqa’ s-soundtrack ta’ ħajjithom. 

B’aktar minn 40 sena esperjenza kollettiva fuq il-palk internazzjonali, Dire Straits Legacy hu testment tal-wirt mużikali ta’ band li bidlet il-kors tar-rock – u qed jagħmel dan b’passjoni ġenwina u rispett lejn dak li nbena.

“Għalija Dire Straits Legacy mhux biss tribute band, imma kontinwazzjoni naturali tal-mużika li ħloqna flimkien. Ninterpreta dawn il-kanzunetti b’dak li kont nagħmel fis-snin 80, imma wkoll b’dak li jien illum.” 

Meta staqsejnieh dwar kif inbidlet il-mużika matul is-snin, Alan wieġeb b’onestà: “Illum ħafna mużika hija kummerċjali ħafna. Qiegħda tinbiegħ bħal prodott, mhux dejjem magħmula biex tinħass jew biex joħroġ l-isbaħ stili minnha. Dak hu li nixtieq nkompli nagħmel hekk kif irrid inkompli noħloq xi ħaġa li ċċaqlaq l-emozzjoni, mhux biss tikseb ‘l hekk imsejħa likes.”

Din il-filosofija se tkun ċentrali fil-proġett l-ġdid tiegħu: album solo li jippjana li jirrekordja f’Settembru. “Qed nipprepara mużika oriġinali li tirrifletti min jien illum – u forsi xi ħaġa li tibqa’ titkellem miegħek wara snin, bħal kif għamlu ċerti biċċiet ta’ Dire Straits.”

Meta staqsejnieh x’messaġġ għandu għal mużiċisti żgħażagħ f’Malta u madwar id-dinja, wieġeb b’sentiment: “Dejjem emmnu fikom infuskom. Qatt ma tista’ tkun triq faċli, imma jekk temmen f’dak li għandek xi tgħid permezz tal-mużika u taħdem għalih, jista’ jkun li jkollok impatt akbar milli taħseb.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport