Sunday, December 22, 2024

Direttur ta’ kumpanija mmultat €7,000 b’rabta ma’ inċident li seħħ fl-2014

Instab ħati ta’ diversi nuqqasijiet li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema

Aqra wkoll

Direttur ta’ kumpanija ġie mmultat €7,000 għal diversi nuqqasijiet ta’ saħħa u sigurtà li wasslu biex ħaddiem weġġà gravi fuq il-post tax-xogħol f’Settembru tal-2014. Kien hemm numru ta’ nuqqasijiet fosthom rigward evalwazzjoni tar-riskju, nuqqas ta’ lqugħ adegwat biex jiġu evitati waqgħat mill-għoli, it-tagħmir protettiv personali, l-ewwel għajnuna kif ukoll li ma tax widen tad-direzzjoni tas-supervisor tal-proġett. , ġie deċiż mill-Maġistrat Dr Simone Grech LLD. 

Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Simone Grech, id-Direttur instab ħati li naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati, kif ukoll tal-persuni kollha li setgħu ġew affettwati mix-xogħol li kien qed isir. Naqas ukoll li jagħmel, jew jiżgura li ssir evalwazzjoni tar-riskju xierqa tal-perikli kollha li setgħu kienu preżenti fuq il-post tax-xogħol. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jikkonċernaw kull attività ta’ xogħol, kif ukoll ir-riskji tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom li jistgħu jkunu esposti għalihom. 

L-akkużat instab ħati wkoll Ii bħala persuna li tħaddem, naqas li jieħu l-miżuri neċessarji biex jevita waqgħat mill-għoli, partikolarment bl-użu ta’ bennieni solidi li jkunu għoljin biżżejjed u jkollhom tal-anqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju jew alternattiva ekwivalenti. Id-Direttur instab ħati wkoll li naqas milli jiżgura li x-xogħol fl-għoli jitwettaq biss b’apparat speċjali jew bl-użu ta’ l-apparat ta’ protezzjoni kollettiv bħalma huma l-bennieni, il-pjattaformi jew ix-xbieki tas-sigurtà, jew jekk mhux possibbli, li jipprovdi u jara li jintużaw mezzi adatti tal-aċċess u arnessi ta’ sigurtà jew metodi ta’ ankraġġ oħra ta’ sigurtà. Naqas ukoll li jiżgura li poġġamani ta’ protezzjoni jitpoġġew madwar trombi u turġien. 

Fil-kapaċità tiegħu ta’ kuntrattur, huwa nstab ħati li ma ppreservax is-saħħa u s-sigurtà fuq sit ta’ kostruzzjoni, jieħu miżuri li jkunu jaqblu mal-bżonnijiet minimi stabbiliti u li ma tax widen tad-direzzjoni tas-supervisor tal-proġett. 

Bħala persuna li jħaddem, huwa nstab ħati ta’ numru ta’ nuqqasijiet fir-rigward ta’ tagħmir protettiv personali fosthom li naqas li jiżgura li dan it-tagħmir ikun iħares id-dispożizzjonijiet speċifikati bil-liġi, li jintlibes għal ħin adegwat skont kemm ikunu serji r-riskji, il-frekwenza ta’ kemm bniedem ikun espost għar-riskju, il-karatteristiċi tal-post tax-xogħol ta’ kull ħaddiem u l-operazzjoni tat-tagħmir protettiv personali, fost oħrajn. Minbarra f’hekk, naqas li jiżgura li dan it-tagħmir jingħata mingħajr ebda ħlas minn min iħaddem u li jkun miżmum u jiffunzjona tajjeb. Naqas ukoll li jara li qabel ħaddiem juża tagħmir protettiv personali jkun avżat dwar ir-riskji li t-tagħmir ikun qed iħarsu minnhom. Naqas ukoll li jiżgura li jigi kkonsultat ir-rappreżentant għas-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema. 

L-imputat instab ħati wkoll li naqas li jiżgura li f’kull waqt ikun hemm persuni li jagħtu l-ewwel għajnuna lill-impjegati tagħkom jekk ikorru jew jimirdu fuq il-post tax-xogħol skont ma jkun adegwat u xieraq fiċ-ċirkostanzi. Naqas ukoll li milli jipprovdi u jiżgura aċċess ta’ malajr għall-ewwel għajnuna meta din tkun meħtieġa billi jipprovdi tagħmir u faċilitajiet li jkunu adegwati u adatti fiċ-ċirkostanzi u li jinkludu kaxxa għall-ewwel għajnuna. Fl-aħħar nett, huwa nstab ħati wkoll li naqas milli jipprovdi faċilitajiet għall-ewwel għajnuna meta l-impjegati jintbagħtu jaħdmu barra mill-post normali tax-xogħol prinċipali tagħhom. 

Ekonomija

Sport