Sunday, October 27, 2024

Direttur ta’ kumpanija tal-logħob mixli b’misapproprazzjoni ta’ €910,000

Aqra wkoll

Direttur ta’ kumpanija tal-logħob kien mixli b’misapproprazzjoni ta’ eluf kbar ta’ ewro f’rebħ li kienet għamlet klijenta.

Andrew Martin Jones, Ingliż ta’ 55 sena, kien mixli wkoll li għamel qligħ b’qerq għad-dannu ta’ ħaddieħor u b’ħasil ta’ flus fost oħrajn.

Huwa kien arrestat wara lment minn klijenta li qalet li kienet dovuta ammont sostanzjali ta’ rebħ mill-kumpanija.

L-avukati tal-imputat, Giannella De Marco u Charles Mercieca, ikkontestaw it-talba tal-prosekuzzjoni għall-iffriżar tal-assi kollu tiegħu, filwaqt li rrimarkaw li l-balanċ pendenti ta’ €910,000 dovuti lill-persuna li ressqet l-ilment ingħatawlha u hija rtirat l-istess ilment.

Madankollu, wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ħarġet l-ordni ta’ ffriżar tal-assi tiegħu.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat taħt diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €25,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa darba fil-ġimgħa.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Julia Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Keith Darmanin.

Sport