Malta, il-Kroazja, Ċipru, l-Eġittu, il-Greċja, il-Libja, l-Italja, il-Palestina u Spanja ffirmaw dikjarazzjoni li permezz tagħha qablu li jaħdmu flimkien għal turiżmu sostenibbli fir-reġjun Mediterranju.
Dan ġie maqbul waqt il-Mediterranean Tourism Forum Ministers’ Summit f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
Id-dikjarazzjoni tinkludi iżjed kooperazzjoni bejn il-pajjiżi msemmija biex jiġu ssalvagwardjati l-interess tar-reġjun Mediterran fil-pjattaforma internazzjonali tal-United Nations World Tourism Organisation kif ukoll l-iffaċilitar ta’ prattiċi li permezz tagħhom is-settur pubbliku u dak privat jutilizza aspetti sostenibbli f’kull aspett tal-ospitalità.
Dan il-qbil jinvolvi wkoll li l-pajjiżi jaqsmu statistika, politika kif ukoll ideat ta’ leġislazzjoni kif ukoll żviluppi ġodda marbutin mas-suq turistiku.
B’reazzjoni għal din id-dikjarazzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif dan is-Summit kien ta’ suċċess għaliex mhux biss kien hemm diskussjoni wiesgħa, iżda ntlaħaq ukoll dan il-ftehim biex bħala reġjun ikun hemm aktar kollaborazzjoni.
“It-tibdil fil-klima qiegħda taffettwa mhux ftit il-Mediterran. Is-sajf li għadda rajna l-isfidi li ġab dan il-fenomenu kemm f’pajjiżna u anke dawk ġirien tagħna. Għalhekk, irridu nikkollaboraw iżjed fuq skala internazzjonali biex nibqgħu nixprunaw iżjed innovattività biex nibnu mudell turistiku bbażat fuq is-sostenibbiltà għall-għaxar snin li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.