Friday, December 27, 2024

Disa’ snin ħabs għal tliet uffiċjali ta’ każin tal-banda

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tliet uffiċjali għolja ta’ każin tal-banda, fosthom avukat, ġew ikkundannati disa’ snin ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja ta’ frodi.

L-akkużati huma Josef Grech ta’ 39 sena mill-Marsa, Omar Caruana ta’ 42 sena minn Ħal Tarxien u Vincent Farrugia ta’ 74 sena minn Wied il-Għajn.

It-tlieta li huma kienu involuti fis-Soċjeta Filarmonika Lourdes ta’ Raħal Ġdid b’Farrugia l-President, Grech is-Segretarju u Caruana t-Teżorier.

L-akkuża fil-konfront tagħhom kienet li fl-20 ta’ Jannar 2009, u fil-jiem ta’ qabel, iffrodaw lill-Maltapost €25,000.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia irriżulta li t-tlieta li huma kienu firmatarji konġunti għall-kont bankarju li l-imsemmija soċjeta kellha mal-APS Bank.

Grech u Caruana kienu wkoll firmatarji konġunti għal kont bankarju f’isem l-Għaqda Mużikali Santu Wistin.

Minn Novembru 2016 huma kienu joħorġu ċekkijiet favur il-Maltapost sabiex jixtru ‘money orders mingħandha, jiddepożitaw dawn il-‘money orders’ fl-istess kont bankarju tagħhom tal-APS u joħorġu ċekkijiet oħra favur terzi.

Din il-manuvra, li baqgġħet għaddejja sa Diċembru 2008, tissejjaħ ‘kite-flying’ għax dak li jkun ikun qed jagħti bilanċ ta’ kreditu fittizju sakemm finalment, kif ġara fil-każ, xi ħadd imbagħad jiġi espost għal ċekkijiet li finalment ma jissarrfux.

Bejn it-3 ta’ Jannar 2009 u l-14 ta’ Jannar 2009 inxtraw 64 ‘money order’ għal €36,000 permezz ta’ 15-il ċekk tal-APS li 13 minnhom inħarġu mill-kont bankarju tal-istess Soċjeta Filarmonika Lourdes u tnejn mill-kont bankarju f’isem l-Għaqda Mużikali Santu Wistin.

Mill-‘money orders’ ġew imsarrfa biss €25,000 u peress li ċ-ċekkijiet tal-APS Bank ma kienux qegħdin jissarrfu għax ma kienx hemm biżżejjed fondi fil-kont il-Maltapost għamlet ‘stop payment’.

L-APS irrapporta dan il-fatt lill-Pulizija li bdiet investigazzjoni u ressqet lit-tliet akkużati fil-Qorti fejn instabu ħatja bi Grech jiġi ikkundannat erba’ snin ħabs, Caruana tliet snin ħabs u Farrugia sentejn ħabs.

Il-Maġistrat Farrugia ordnatilhom ukoll iħallsu lill-Maltapost €19,971 u ordnat li s-Segretarju tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u l-Kamra tal-Avukati jiġu nfurmati bl-eżitu ta’ din il-kawża.

Ekonomija

Sport