Saturday, December 21, 2024

Disa’ snin ħabs talli ħebb għall-eks-sieħba u ħabib

Aqra wkoll

Maġistrat ikkundannat Niġerjan ta’ 31 sena disa’ snin ħabs wara li sabitu ħati li ħebb għal raġel li flimkien mat-tfajla tiegħu marru jippruvaw jikkalmawh wara li ħataf lil ibnu minħabba argument ma’ omm it-tarbija.

Keven Agbigbi, li jgħix San Pawl il-Baħar, kien mixli mill-Ispettur Godin Scerri li fit-13 ta’ April 2019 fl-istess lokalità ikkaġuna ġrieħi gravi lil Matthew Anoja u ġrieħi ħfief lil Blessing Aloun kif ukoll li heddidhom.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia rriżulta li Agbigbi u Aloun għamlu żmien jgħixu flimkien fl-appartament tiegħu flimkien ma’ binhom ta’ 18-il xahar u t-tifel tagħha li għandu 10 snin.

Maż-żmien ir-relazzjoni marret għall-agħar u l-mara telqet mid-dar u marret tgħix biż-żewġt itfal tagħha għand ħabib tagħhom, William Uti, li jgħix ukoll San Pawl il-Baħar.

Agbigbi sar jaf, mar l-appartament u wara argument mal-eks-sieħba ħataf lil binhom u mar lura bih fil-post fejn kien qed jgħixu bil-mara ċċempel ħabib ieħor tagħhom, Anoja, għall-għajnuna.

Anoja u t-tfajla tiegħu marru fl-appartament ta’ Agbigbi flimkien ma’ Aloun fejn seħħ l-inċident biż-żewġt irġiel jakkużaw lil xulxin dwar min ħebb għal min l-ewwel b’sikkina.

Il-Maġistrat Farrugia emmnet il-verżjoni ta’ Anoja u Aloun, li kien Agbigbi li ħebb għalihom l-ewwel b’żewġ skieken, anke wara li semgħet ix-xiehda ta’ Uti dwar kif seħħ il-każ.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qieset il-gravità tal-każ fejn irrimarkat li huwa miraklu kif Anoja baqa’ ħaj meta l-akkużat tefalu żewġ skieken lejh waqt li semmiet ukoll kif Agbigbi qata suba’ tal-mara.

Hija għamlitha ċara li ma kinitx tittollera vjolenza f’soċjetà ċivilizzata u ikkundannat lill-akkużat għal piena ta’ disa’ snin ħabs waqt li talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga jekk xehedx falz fl-istess kawża.

Ekonomija

Sport