Thursday, December 26, 2024

Disa’ snin ħabs u €20,000 multa wara li daħħal f’Malta tliet kilogrammi kannabis

Aqra wkoll

Niġerjan ta’ 24 sena kien ikkundannat disa’ snin ħabs u €20,000 multa wara li ammetta flok għadda ġuri li importa f’pajjiżna tliet kilogrammi kannabis. 

Shaibu Mohamad kien arrestat fit-22 ta’ Diċembru 2018 wara li kien twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana fl-ajruport mal-wasla tiegħu minn Ruma. Minn tfittxija li saret fil-bagalja tiegħu nstabu tliet pakketti suspettużi mgeżwra f’ġakketta. 

L-uffiċjali kienu infurmaw lill-pulizija b’din is-sejba u kkuntattjaw lill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għal aktar investigazzjonijiet. Espert tal-Qorti kien ikkonkluda li l-akkużat kellu fil-pussess tiegħu tliet kilogrammi kannabis b’purità ta’ madwar 22%.

Mohamed kien tressaq il-Qorti mixli b’pussess u importazzjoni tad-droga. Huwa iżda għażel li jammetti qabel kellu jgħaddi ġuri. L-Imħallef Aaron Bugeja, imbagħad sema’ s-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u d-Difiża b’rabta mal-piena li kellha tingħata. 

Il-Prosekuzzjoni argumentat li filwaqt li l-akkużat ipprovda xi informazzjoni lill-pulizija, din ma wasslitx biex jinqabdu persuni oħra li kienu tawh id-droga. Qalet li fiċ-ċirkostanzi, il-piena kellha tkun dik ta’ mill-inqas għaxar snin priġunerija.

Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li l-akkużat kellu 21 sena meta wettaq ir-reat. Qalet li huwa kien rilaxxat minn kamp tar-refuġjati fl-Italja u kellu bżonn il-flus biex jgħin lill-familja tiegħu. 

Id-Difiża argumentat li din kienet l-ewwel darba li l-akkużat xellef difrejgħ mal-ġustizzja, li kien ukoll vittma żagħżugħ taċ-ċirkostanzi. L-akkużat kien ukoll wera rimors għal dak li għamel u qal li wettaq dan l-iżball għax ried jgħid lil ommu li kienet qiegħda tmut. Huwa nsista li għadu żgħir fl-età u xtaq li jingħata ċans ieħor. 

L-akkużat infaqa’ jibki fil-Qorti u talab għall-ħniena waqt li rrimarka li qatt ma talab għall-ħelsien mill-arrest fejn qatta’ żmien fiċ-ċella l-ħin kollu jaħseb dwar dak li wettaq. 

Il-Qorti, fuq ammissjoni, sabitu ħati u minbarra li kkundannatu disa’ snin ħabs, immultatu wkoll €20,000 li jistgħu jkunu konvertiet f’terminu ta’ priġunerija jekk ma jħallasx is-somma fi żmien mogħti lilu mill-Qorti. 

Ekonomija

Sport