Tuesday, December 24, 2024

Disa’ snin ħabs wara li stupra mara f’Paceville

Aqra wkoll

“Att li potenzjalment iħalli l-vittmi tiegħu sfreġjati għal għomorhom” – il-Qorti

Eritrean ta’ 30 sena ntbagħat disa’ snin ħabs wara li nstab ħati li nhar it-23 ta’ Mejju 2018 stupra mara Franċiża f’Paceville. 

Eyob Melake Ecobagaber kien tressaq il-Qorti mixli bi stupru, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha u darabha ħafif, li sar riċediv u wettaq reat waqt li kien taħt ordni operattiv ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti. 

Il-mara kienet xehdet li dakinhar li seħħ il-każ hija ħarġet ma’ sħabha f’Paceville u wara li żaru numru ta’ clubs spiċċaw Footloose. F’ħin minnhom hija ħarġet mill-club biex tpejjep sigarett u meta daħlet lura ma sabitx lil sħabha u għalhekk bdiet tfittixhom fit-triq prinċipali ta’ Paceville.

Hija qabdet in-niżla u xħin waslet quddiem stabbiliment ieħor kellimha raġel bil-Franċiż ta’ karnaġġjon abjad. Hija allegat li ġiet imbuttata mal-art u kien hemm ukoll l-involviment tal-imputat.

Qalet li neżgħet iż-żarbun sabiex tiddefendi ruħha u li tiftakar li “l-abjad” kien stupraha fuq il-karozza mentri “l-iswed mal-art.” Lejn tmiem il-kontro-eżami tagħha hija kkonfermat li kienet ġiet stuprata miż-żewġt irġiel.

Minn eżami mediku li sar lill-vittma, irriżulta li din sofriet minn selħa fin-naħa ta’ isfel ta’ dahra, tbenġila fuq ġenbha tax-xellug kif ukoll grif u tbenġil fuq irkoppitha. Il-Qorti semgħet ukoll kif fuq il-partijiet intimi kien hemm id-dmija li ġie mill-istupru. Provi li l-att sesswali ma kienx konsenswali kif ukoll prova tal-aggressjoni li sofriet.

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat li kienet biss fix-xhieda tagħha li l-vittma semmiet ukoll li l-Franċiż tefagħha mal-art, vjolentaha u stupraha fuq il-bonnet ta’ karozza iżda l-imputat stupraha mal-art.

Qalet li għalkemm hu minnu li l-vittma tkellmet fid-dettall ma’ kuntistabbli mara, ma ssemmix dan id-dettall (li l-Fran ċiż stupraha wkoll) iżda ssemmi li hi qaltilha li kien qed iżommha: “hi qaltli li żammha però kien il-persuna tal-karnaġġjon skur li stupraha.”

“Madankollu, din il-Qorti mhix tiddubita mill-verżjoni tal-vittma li saħansitra tagħti dettall dwar fejn ġiet stuprata mill-“Franċiż”, fuq il-bonnett ta’ vettura. X’żammha milli tgħid li ż-żewġt irġiel stuprawha mal-art? Xejn! Għaldaqstant mhemmx dubju li dan id-dettall ma jnaqqas xejn mir-responsabbiltà tal-imputat li sa mill-bidu nett il-vittma indikatu bħala dak li stupraha,” qalet il-Qorti. 

“Att kodard u viljakk li juri fejn bniedem kapaċi jasal” 

Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti qieset in-natura serjissima tar-reati, il-fedina penali tal-imputat li turi li din mhix l-ewwel darba li xellef difrejh mal-ġustizzja, kif ukoll il-fatt li tul il-proċeduri, l-imputat qatt ma wera xi dforma ta’ rimors għal għemilu. 

“Ir-reat imwettaq minnu hu tassew wieħed li jqanqal stmerrija u tkexkix,” qalet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. “L-imputat wera li dak li ma kienx kapaċi jakkwista bis-sewwa, ħadu bid-dnewwa. Att kodard u viljakk li juri fejn bniedem kapaċi jasal. Wera li hu persuna li jagħmel l-arja ma’ min hu dgħajjef.”

Kompliet tgħid li l-imputat “ma sab l-ebda inibizzjoni li żammitu lura milli jwettaq att ta’ vjolenza daqshekk kiefer. Att li potenzjalment iħalli l-vittmi tiegħu sfreġjati għal għomorhom, ċiniċi u suspettużi mill-intenzjonijiet l-iktar nobbli ta’ persuni oħra, fejn jitilfu kull fiduċja fil-ħajja, li issa jħarsu lejha b’lenti differenti, lenti ta’ min safa’ vittma intortament tal-inumanità ta’ bniedem, tal-istint bestjali li baqa’ jnemnem fih.” 

Il-Maġistrat Frendo Dimech saħqet li vittma ta’ stupru jitteħdilha bi ħruxija s-sens ta’ sigurtà li tgħożż, is-serenità fiżika u psikoloġika tagħha, il-modesta tagħha, dak kollu li qabel kien janimaha. “L-għemil daqshekk brutali u xprunat minn istint annimalesk jiżra fil-vittma ż-żerriegħa tal-indifferenza, il-qerda tat-tamiet u t-tifrik tal-aspirazzjonijiet.” 

“Persuna stuprata hi persuna sfreġjata għal għomor, u l-Qorti hi fid-dover li tassigura li reati ta’ din ix-xorta jiġu kkundannati bis-severità mistħoqqha,” tenniet il-Maġistrat Frendo Dimech.

Waqt li lliberatu mill-akkużi tar-reċediva u l-ksur ta’ ordni ta’ probation, il-Qorti sabitu ħati tar-reati kollha l-oħra u kkundannatu piena ta’ disa’ snin priġunerija li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li l-imputtat għamel taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant.

Ekonomija

Sport