Sunday, December 22, 2024

DISA’ SNIN MOĦLIJIN… BŻONN TINDIFA

Aqra wkoll

Ir-riżultat elettorali fil-votazzjoni ta’ nhar is-Sibt kif mistenni kien wieħed ċar ħafna. Riżultat li fih kull partit għandu sew x’janalizza. Il-poplu bagħat messaġġi diversi liż-żewġ partiti. Wieħed mill-messaġġi li ħareġ hu dak indirizzat lill-Partit Nazzjonalista.  Il-poplu urieh li għal darba oħra se jwarrab il-messaġġi negattivi, il-messaġġi elitisti li ġieli smajna, l-attakki personali, flimkien mal-priedtki li qisu l-valuri joħorġu biss minn ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dan il-poplu għamlu b’mod ċar għax mhux biss ma tax fiduċja lill-Partit Nazzjonalista imma anke warrab kandidati biex eleġġa oħrajn ġodda.

Dan ir-riżultat wera li l-poplu ma jistax jagħti fiduċja lill-Partit Nazzjonalista. Ma jistax jagħti fiduċja lil dan il-Partit li daqqa jgħid mod u daqqa jgħid mod ieħor. Ma jistax jagħti fiduċja lill-partit li hu mifni b’għadd ta’ qasmiet fi ħdanu, tant li mar għal battalja u suldati tiegħu għażlu li jwarrbu. Fuq kollox il-poplu li mhux lest li jagħti fiduċja lil Partit li issa ismu sar sinonimu man-negattività. Partit li x’ħin tisma l-esponenti tiegħu jitkellmu ħlief kollox negattiv ma tismax minn fommhom. Il-poplu wera li xeba’ minn negattività u mill-partiġġjaniżmu.

M’hemm ebda dubju li wara dan ir-riżultat il-Partit Nazzjonalista irid jinbidel sostanzjalment jekk irid li jkun alternattiva.  M’hemm ebda dubju li dawn ix-xhur li ġejjin  se jkunu xhur imqallbin sew għall-Partit Nazzjonalista. Irid jew ma jridx se jkollu jaħtar jew jikkonferma il-kap tiegħu. Dan hi kwistjoni li diġa qed titqajjem għandu jibqa’ jew le il-kap eżistenti, fejn mhux se niddejqu nirrimarkaw li l-kwistjoni li jinsab fih l-Partit Nazzjonalista tmur lil hinn mill-kap attwali. Il-problemi ilhom hemm. 

Il-Partit Nazzjonalista irid jifhem li ma jistax jibqa’ mqabbad fih innifsu u dan anke b’rispett lejn il-partitarji tiegħu. 

Il-Partit Nazzjonalista għandu rwol importanti x’jaqdi fid-demokrazija ta’ pajjiżna. Mhux san għal pajjiżna li jkollna partit imfarrak u mifrud u fl-istat li jinsab fih illum. Jiddispjaċina ngħidu li fl-aħħar disa’ snin, deher biċ-ċar ħafna li l-Partit Nazzjonalista kien mitluf fi kwistjonijiet interni u ma setax jaqdi l-funzjoni tiegħu u jikkontribwixxi għall-ġid tal-pajjiż.

Kienu disa’ snin li fihom il-Partit Nazzjonalista suppost tnaddaf. Kellu jneħħi l-klikek minn ħdanu. Kellu jwarrab lil dawk li ġabuh fil-pożizzjoni mwiegħra u umiljanti li jinsab fiha llum. Kienu snin fejn nies validi telqu. Persuni li setgħu ikkontribwixxew twarrbu jew agħar ġew attakkati għax kienu qed jimbottaw ċertu bidliet. 

Wieħed jittama li t-tindifa li hemm bżonn, din id-darba issir. Jekk le, il-kundanna tal-Partit Nazzjonalista wieħed jista’ faċilment jaħseb x’se tkun.

Ekonomija

Sport