Tlestew aktar xogħlijiet infrastrutturali fix-Xagħra, bħala parti mill-ħidma kontinwa sabiex jissaħħu s-servizzi u tittejjeb il-kwalità tat-toroq madwar Għawdex. Fil-fatt, issa hemm lesti total ta’ disa’ toroq mill-wiegħda tal-100 Triq Residenzjali Ġdida għat-tliet snin li ġejjin.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li saru “1,700 metru kwadru ta’ tarmak f’parti mit-Triq John Otto Bayer kif ukoll parti minn Triq il-Mitħna hawnhekk fiż-żona ta’ fejn il-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra kif ukoll il-Ġgantija, fejn inbidlu s-servizzi, il-main tal-cable tad-dawl u ngħata wkoll wiċċ ġdid. Barra minn hekk, ftit tal-jiem ilu ħlisna wkoll żewġ toroq oħra. Triq Ġnien Xibla kif ukoll Triq il-Komittiva fejn hemmhekk ukoll inbidlu s-servizzi, għadda l-cable tad-dawl u sar ukoll wiċċ ġdid b’total ta’ 1,000 metru kwadru ta’ tarmak. Dan qegħdin nagħmluh flimkien mal-Enemlata u flimkien mal-Water Services sabiex is-servizzi f’din il-gżira jibqgħu jissaħħu.”
Min-naħa tiegħu s-Sindku tax-Xagħra Victor Curmi rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u lill-korporazzjoni Enemalta sabiex seta’ jsir dan ix-xogħol.
Dawn l-interventi qed isiru permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, Enemalta u Water Services Corporation, sabiex ikomplu jitjiebu s-servizzi infrastrutturali f’Għawdex u biex l-investiment li qed isir illum jibqa’ jservi għall-futur.

