Thursday, December 26, 2024

Disa’ xhur ħabs sospiżi wara li offra €50 lil Surġent li rah jikkaċċja b’liċenzja sospiża

Aqra wkoll

Raġel li għandu 51 sena u li joqgħod Ħaż-Żabbar fl-aħħar jiem kien ikkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar wara li nstab ħati li aktar minn sentejn ilu pprova joffru €50 lil Surġent bit-tama li ma jirraportahx wara li qabdu għal kaċċa hekk kif kellu l-liċenzja tal-kaċċa sospiża. Lawrence Darmanin ingħata multa wkoll ta’ €500.

L-Ispettur Elliot Magro, quddiem il-Maġistrat Madine Lia qal li dan il-każ seħħ fid-29 ta’ April ta’ sentejn ilu fl-inħawi tal-Bidni, li jiġi limiti ta’ Ħaż-Żabbar.

Waqt li l-pulizija kienet għaddeja b’spezzjoni fl-inħawi, intlemaħ Darmanin għal kaċċa flimkien ma’ persuna oħra. L-akkużat ipprova jaħrab minn fuq il-post u mar jistaħba, iżda nqabad mill-istess pulizija ftit tal-ħin wara.

Wara li ġie arrestat, il-pulizija għamlu spezzjoni fid-dar tiegħu fejn instabu żewġ armi neqsin mill-kollezzjoni tiegħu. Il-Pulizija baqgħet tinvestiga u kien l-imputat stess li indika fejn jistgħu jinstabu dawn l-armi. Fil-fatt waħda nstabet fi friġġ u l-oħra f’guva tal-għasafar.

Kien f’dan il-mument li l-akkużat ħareġ €50 filwaqt li hemmeż lis-Surġet qallu biex ma jparla xejn.

Iż-Żabbari nstab ħati wkoll li dakinhar ma żammx taħt il-ħarsien tiegħu l-arma tan-nar. Hu kien akkużat ukoll li kien qed iġorr arma bla liċenzja u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Għal din l-akkuża hu ma nstabx ħati għalija.

Apparti s-sentenza sospiża u l-multa, il-Maġistrat ikkonfiskat l-armi u l-munizzjon tal-imputat, u pprojbietu milli jkollu liċenzja tal-kaċċa għal 18-il xahar.

Ekonomija

Sport