Saturday, October 26, 2024

Disa’ xhur ħabs talli kiser ħalq l-għarusa

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena li jgħix il-Furjana kien ikkundannat disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li bid-daqqiet li ta lill-għarusa kisrilha ħalqha tant li kellhom isirulha interventi minn kirurgu biex jirranġalha snienha.

Isem ir-raġel mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tal-mara anke peress li għandhom żewġ itfal flimkien.

Il-każ kien seħħ fil-lejl ta’ bejn l-4 u l-5 ta’ Marzu 2017 fl-appartament tal-mara f’San Pawl il-Baħar.

Huma kienu għadhom kemm waslu lura minn Paceville wara li ħallew it-tfal għand missieru.

Ir-raġel daħal id-dar bin-nervi għax il-mara kienet iddejqet Paceville u f’ħin minnhom inqala argument fejn refa jdejha fuqha.

Xi ġirien semgħu l-għajjat u ċemplu lill-Pulizija u meta waslu żewġ uffiċjali sabu lill-mara tibki.

Hija qaltilhom li kien sawwatha u r-raġel kien arrestat fejn fl-istqarrija lill-Pulizija ammetta li “taha xi daqqa” u li mbuttaha kif ukoll li dak li għamel kien ħażin.

Ir-raġel tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fejn kien mixli li ikkaġunalha ġrieħi gravi.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia l-mara xehdet kif waqt l-argument l-għarus beda jagħtiha bil-ponn u bid-daqqiet u anke żammilha ħalqha biex ma tgħajjatx.

Hija semmiet ukoll kif snienha bdew jiċċaqilqulha tant li kellhom jiġu issudati minn kirurgu u irrimarkat li huwa kien jaġixxi bl-ikrah meta jirrabja.

Wara li semgħet ukoll ix-xhieda tal-pulizija li interrogaw lir-raġel u dawk li marru fuq il-post tal-inċident kif ukoll familjari tal-vittma li wkoll marru fl-appartament il-Maġistrat Lia sabet lir-raġel ħati tal-akkuża miġjuba kontrih.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha hija qieset li l-fedina penali tiegħu xejn ma hija waħda feliċi u matul is-snin instab ħati ta’ reati relatati mad-droga, fosthom l-abbuż tal-eroina u l-kokaina, u s-serq.

Hija irrimarkat li  bid-daqqiet li taha kisrilha ħalqha f’diversi postijiet u sostniet li dan kien aġir ta’ ħsara u eżempju ħażin bħaż-żewġt itfal tagħhom.

Minbarra d-disa’ xhur ħabs hija ordnat li huwa kellu jingħata l-għajnuna biex jikkontrolla r-rabja, rabtitu b’obbligazzjoni ta’ sena biex jaġixxi sew inkella jiġi immultat €2,000 u ordnatlu biex għal tliet snin ma jersaqx lejn omm uliedu u seta jikkuntattjaha biss fuq it-tfal.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Nicholas Vella li investiga l-każ.

Sport