Għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, “Doctor Strange in the Multiverse of Madness” żamm postu fil-quċċata tal-box office Amerikana biex issa globalment laħaq iċ-ċifra ta’ ftit aktar minn $688 miljun.
Meta jkun hemm film tal-Marvel, il-kumpaniji l-oħra joqogħdu pass lura milli jiftħu l-films tagħhom. Wieħed mill-ftit films ġodda li ddebutta fi tmiem il-ġimgħa l-oħra kien dak tal-Universal, “Firestarter”, remake tal-film li kien ħareġ fl-1984 u ibbażat fuq ktieb ta’ Stephen King. Il-fim iddebutta wkoll il-pjattaforma diġitali Peacock.
“Firestarter” ma ntlaqax tajjeb. Fl-Istati Uniti kellu dħul ta’ $3.8 miljun, filwaqt li minn 40 pajjiż ieħor fejn ħareġ għall-wiri, kellu dħul ta’ $2 miljuni biss. U biex nuri kemm mar ħażin, “Firestarter” tal-1984 beda fl-ewwel tlett ijiem bi dħul ta’ $4.7 miljun! “Firestarter” il-ġdid spiċċa fir-raba’ post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa.
“The Bad Guys” u “Sonic The Hedgehog 2” żammew posthom fit-tieni u fit-tielet pożizzjoni rispettivement. Fil-ħames post baqa’ “Everything Everywhere All at Once”.
Firestarter
Fis-sebgħinijiet u fit-tmeninijiet, Stephen King kien l-awtur ta’ diversi kotba li kienu suċċess mal-pubbliku. Kellhom tema komuni: ir-rabja. Kellna ‘Carrie’, it-tfajla-studenta li tisfa umiljata minn sħabha; ‘Christine’ li hi l-karozza rrabjata; ‘Cujo’, il-kelb rrabjat; u l-aqwa rumanz ta’ King, ‘The Shining’. Hawnhekk il-karattru prinċipali hu l-kittieb iffrustrat Jack Torrance li jesponi r-rabja tipika wara li jkun xorob.
Fir-rumanz ‘Firestarter’ li kien ippubblikat fl-1980, il-protagonista hi Charlene “Charlie” McGee, li tkun tifla bl-abiltà li tagħti n-nar lill-oġetti u anke lin-nies billi tikkonċentra il-poter psikiku li jkollha. Din l-abiltà hi frott ir-rabja li jkollha dak il-ħin. Minħabba f’hekk, hi u missierha huma mfittxija minn aġenti tal-gvern biex jaħtfuhom u jisfruttaw din l-abiltà li jkollhom.
Diġà kellna verżjoni ċinematografika ta’ dan ir-rumanz. L-ewwel “Firestarter”, bis- sehem ta’ Drew Barrymore, kien ħareġ fl-1984. Stephen King kellu raġun jgħid li dan il-film jobogħdu; ma kienx tajjeb.
Il-verżjoni moderna hi maħduma mill-producer Jason Blum, permezz tal-kumpanija tiegħu Blumhouse Productions li saret id-dar moderna tal-produzzjoni tal-fims tal-orrur. Skont Blum, Stephen King kien kuntent b’din il-produzzjoni. X’jiġifieri kien “kuntent” ma nafx, għax il-film hu ftit aħjar mill-verżjoni tal-1984 imma ’l bogħod ħafna minn dik il-qawwa tal-films li semmejt aktar qabel.
Charlie (Ryan Kiera Armstrong) u l-ġenituri tagħha, Andy (Zac Efron) u Vicky (Sydney Lemmon) huma familja b’dawn l-abiltajiet mhux normali. Il-film jistabilixxi l-oriġini ta’ dan kollu fil-ġenituri permezz ta’ sekwenza fl-opening-credits. Charlie tkun meqjusa bħalha ‘stramba’ minn sħabha għax mgħandhiex Wi-Fi. Ir-raġuni vera hi li l-familja ma tridx li xi membri ta’ aġenzija tal-gvern ikunu jafu fejn huma.
Wara bidu mhux ħażin, “Firestarter” isir bħal dawk il-films fejn ikun hemm kumplott u n-nies taħkimhom il-paranojja.
Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Keith Thomas, l-effetti viżwali ta’ meta Charlie toħloq in-nar huma sempliċi u mingħajr sofistikazzjoni moderna. Mill-films kollha li ħadmet Blumhouse Pictures, dan hu wieħed mill-anqas tajbin.
Gwida għal min ser jara “Firestarter”: 15 (għandhom jarawh persuni li għandhom minn 15-il sena ’l fuq) għax fih xi xeni vjolenti, dettall fuq il-feriti kkaġunati u mumenti twal ta’ tensjoni.
The Duke
“The Duke” hu film komiku Ingliż mill-isbaħ. Il-protagonisti huma żewġ atturi veterana Ingliżi li jkomplu jagħmlu l-film tajjeb: Jim Broadbent u Helen Mirren.
Ispirat minn storja vera li seħħet fl-1961, Kempton Bunton (Jim Broadbent) ikun ħaddiem li wasal għall-età tal-irtirar. Minħabba li ftit li xejn kellhom biex jgħixu hu u martu Dorothy (Helen Mirren) flimkien ma’ binhom iż-żgħir, hu jibda jinsisti li l-anzjani għandhom jiġi eżentati milli jħallsu l-liċenzja tat-televiżjoni. Kempton ma jingħatax widen u meta ma jħallasx il-liċenzja, jintbagħat il-ħabs. Wara Kempton anke jispiċċa bla impjieg.
Issir is-serqa tal-pittura tad-Duka ta’ Wellington impinġija minn Goya u li n-National Gallery kienet xtrat għal £140,000. Kempton jieħu l-opportunità sabiex jilgħabha speċi ta’ Robin Hood, billi kien lest jirritorna l-pittura jekk jagħtuh somma flus biex iqassamhom lil dawk fil-bżonn.
Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Roger Michell, “The Duke” imur kontra r-regola ta’ films oħra dwar is-serq. Minflok jikkonċentra fuq il-pjan tas-serqa, “The Duke” jurina s-serqa fil-qosor, mingħajr ma nafu min hu l-ħalliel, biex imbagħad sfrutta aktar it-tensjoni u l-mumenti komiċi li jseħħu wara.
Gwida għal min ser jara “The Duke”: 12A (hu rakkomandat li tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih xi ftit kliem mhux xierqa u xena moderata ta’ sess.