Wednesday, December 25, 2024

DISKORS FJAKK MILL-KAP TAL-OPPOŻIZZJONI

Aqra wkoll

Il-partiti politiċi għandhom rwol kruċjali fid-demokrazija. Huma organi bi skop li jikkompetu ma’ xulxin biex bl-aħjar ideat tagħhom jittantaw jirbħu l-fiduċja tal-poplu ħalli b’hekk jiggvernaw lill-pajjiż għal terminu ta’ żmien. 

F’demokrazija b’saħħitha u ġenwina, il-politika suppost li tkun imsejsa fuq ir-rispett reċiproku u ‘l bogħod mill-mibegħda lejn l-avversarji politiċi. B’hekk pajjiż jista jimxi ‘l quddiem u jassigura alternanza paċifika.

Dan it-twemmin kemm qed japplika jew mogħti każ fil-politika Maltija? Minn dak li qed naraw u nisimgħu, il-kunċett tar-rispett reċiproku jidher  li m’huwiex parti mill-politika tal-Partit Nazzjonalista. Dan rajnih ukoll jseħħ fid-diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni fit-tweġiba tiegħu għall-budget 2023.

Ir-rwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni huwa li jikkritika b’mod kostruttiv li finalment bih juri kif kien imexxi hu li kieku l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern. Dak li ttamajna iżda ma ġarax. Għal min rah seta’ jinnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni qabad kantaliena ta’ retorika li ilu x-xhur għaddej biha.

Saħansitra wasal biex qal li l-budget ma jindirizzax il-problema tal-għoli tal-ħajja, meta jaf illi fil-budget li ġej iż-żieda għall-għoli tal-ħajja kienet waħda mill-ogħla li qatt ingħataw. Dan apparti għajnuniet oħra ta’ benefiċċju għan-nies, l-aktar dawk vulnerabbli, tant li n-nefqa fuq il-qasam soċjali żdiedet b’għexieren ta’ miljuni.

Quddiem dan kollu, il-poplu għandu għax ikun diżappuntat illi ma sema’ xejn mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar x’viżjoni għandu l-PN għall-futur. Tant hu hekk illi dak li tkellem dwaru kien parti mill-manifest elettorali tiegħu li ġie mwarrab mill-poplu fl-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu 2022. 

B’dan nifhmu li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit tiegħu mhux biss għadhom ankrati fil-passat imma wkoll għadhom jaħsbu li bil-kritika distruttiva jistgħu jaslu xi mkien. Imma l-poplu Malti u Għawdxi huwa intelliġenti biżżejjed u jaf f’idejn min għandu jerħi lħitu partikolarment fi żminijiet ta’ kriżi internazzjonali. 

Għalhekk kif għedna fil-bidu, id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien wieħed maqtugħ mir-realtà u nieqes mir-rispett riċeproku lejn l-avversarji politiċi tiegħu, meta azzarda jakkuża lill-Gvern li ttradixxa lill-poplu.

Nemmnu li dan it-tip ta’ lingwaġġ għandu jieqaf għaliex ma jagħtix ġieħ la lil min jgħidu u wisq inqas lill-pajjiż. Imma għandna għaliex nifhmu wkoll li l-oppożizzjoni se tibqa’ sejra fit-triq li mhu se twassalha mkien. 

Ekonomija

Sport