Sunday, December 22, 2024

DISKORS ‘UMAN’ MILL-PRESIDENZA

Aqra wkoll

Ilbieraħ pajjiżna ħatar President tar-Repubblika ġdid. Myriam Spiteri Debono. Kien hemm stennija għall-ewwel diskors tagħha. Stennija għax minnu wieħed jista’ jieħu indikazzjoni ta’ fejn se tkun qiegħda tmur il-Presidenza. F’soċjetà fejn il-prinċipji sparixxew għalkollox, fejn l-empatija lejn min qiegħed ibati qiegħda tgħib u ddgħajfet, fejn il-perċezzjonijiet u l-isterjotipi lejn dawk vulnerabbli qegħdin jiżdiedu u dan iħalli ġrieħi u marki li jweġġgħu fis-soċjetà, smajna diskors li ta kas l-aspett uman. Anzi għamel dikjarazzjoni li l-aspett uman m’għandniex ninjorawh.

Konxji li Myriam Spiteri Debono taf x’qed inawwar is-soċjetà Maltija tal-lum. Konxji li Myriam Spiteri Debono bl-esperjenza li għandha, u l-mod kif rat il-politika f’pajjiżna tevolvi u tinbidel mhux f’pajjiżna biss imma anke madwar l-Ewropa u fid-dinja, taf sew x’inhu dak li qiegħed idgħajjef il-prinċipji li kienu l-bażi tas-soċjetà snin ilu. Konxji li Myriam taf sew, li fis-soċjetà llum hemm pjagi, li qegħdin joħolqu problemi kbar.

Qegħdin joħolqu l-mibegħda. Qegħdin iżidu r-razziżmu u fuq kollox qed iżidu t-tbatijiet ta’ persuni li jinsabu fin-naħa t’isfel. Kien nifs ta’ sodisfazzjon u nittamaw li din ma kinitx dikjarazzjoni ta’ darba, dik li l-Presi- dent il-ġdid iddikjarat fuq l-immigranti li qegħdin jaħdmu fostna.

Hi ddikjarat b’mod ċar ħafna li “b’rajna f’idejna, amministrazzjoni wara oħra, bdew jiżviluppaw l-oqsma ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna, u llum, wasalna f’sitwazzjoni fejn pajjiżna m’għadx għandu l-pjaga tan-nuqqas ta’ xogħol, u qed inkunu ta’ rifuġju għal bnedmin oħra li, bħalma għamlu niesna fi żmini- jiet oħrajn, qed jitturufnaw ruħhom minn art twelidhom biex ifittxu ħajja aħjar. Minħabba f’hekk, qiegħda tirriżulta sitwazzjoni fejn qed ikollna influss fostna minn dawn il-barranin minn pajjiżi li m’għandhomx il-prosperità li bl-għaqal tad-diversi mexxejja politiċi tagħna, il- ħaqna llum.

L-ewwel pass sabiex nintegraw lil dawn il-barranin, anqas ixxurtjati minna, li ġew ifittxu ħajja aħjar fostna, hu li nħaddnuhom magħna u nifhmuhom; irridu mmorru lil hinn mill-passività tat-tolleranza, lil hinn ukoll minn aċċettazzjoni nofs kedda u ta’ bilfors għaliex għandna bżonnhom.

Dikjarazzjoni li ma tistax tħalliha għaddejja. Nintegraw il-barranin. Inħaddnuhom magħna u nifhmuhom. Diskors li ma tistax ma taqbilx miegħu. U ovvjament dak li qalet il-President m’għandux jibqa’ biss diskors fuq il-karta. M’għandux jibqa’ diskors ta’ darba. Nittamaw li din il-Presidenza tar-Repubblika, taqbad din il-kwistjoni. Taqbad il-kwistjoni tar-razziżmu fost il-barranin u tkompli titkellem dwarhom. Dawn il-problemi u dawn is-sitwazzjonijiet ma jistgħux jintefgħu aktar taħt it-tapit. Persważi li Myriam Spiteri Debono, se tkun qiegħda taqbad dawn it-temi. Myriam Spiteri Debono ma waqfitx hemm.

Iddikjarat ukoll li “mhux biżżejjed li nikkontribwixxu b’ġenerożità, f’għotjiet ta’ flus biex tingħata għajnuna supplimentari għal dik provduta mill-Istat lil min, fis-soċjetà tagħna, isib ruħu f’pożizzjoni vulnerabbli. Il-ġenerożità fil-karattru nazzjonali tagħna għandha wkoll timmanifesta ruħha b’mod aktar wiesgħa, għandha tkun il-bażi tal-operat ta’ kull wieħed u waħda minna ma’ xulxin u ma’ dawk li ġew jgħixu fostna.

Irridu nkunu wkoll lesti li nilqgħu lill-proxxmu illi, b’diversi sagrifiċċji, jaħrab mill-moħqrija ta’ ħajja iebsa soċjalment f’pajjiżu, inkluż sit- wazzjonijiet ta’ konflitti armati, u, bl-għajnuna u l-koperazzjoni ta’ sħabna fl-UE, ngħinuhom jistabbilixxu l-pedament ta’ ħajja aħjar. Nilqgħu wkoll dikjarazzjoni bħal din. Qed tirreferi għal dawk li jaħarbu minn gwerer u persekuzzjonijiet. Persuni li sfortunatament jiffaċċjaw mibegħda kbira f’pajjiżna u anke f’pajjiżi oħra. Biżżejjed tħares lejn is-siti soċjali u tarahom mifqugħin b’kummenti ta’ mibegħda.

Nemmnu wkoll li l-Presidenza tar-Repubblika għandha tkompli tagħfas fuq din it-te- ma. Tkompli ġġibha għall-attenzjoni tal-pubbliku. Dan biex finalment f’dan il-pajjiż nibdew verament naħsbu fuq l-integrazzjoni. U m’hemm ebda dubju li l-Presidenza tista’ wkoll tgħin billi l-issues ta’ dawn il-persuni tressaqhom qrib aktar tan-nies. Ħalli l-poplu jisma’ u jifhem l-istejjer ta’ dawn in-nies. Jifhem minn xiex jgħaddu.

Fid-diskors tagħha, hi għamlet frażi wkoll qawwija. ‘Ħadd u xejn mhu akbar minn Malta, “l-Omm li tatna isimha”. Dikjarazzjoni li għand- ha messaġġ ċar. Messaġġ indirizzat lejn il-partiti politiċi. Id-diskors tal-President kien diskors ta’ għaqda. Diskors li juri li hemm bżonn paġna ġdida. Paġna ta’ għaqda u tolleranza. Niddi- battu fejn ma naqblux. Ma nattakkawx il-persuni imma l-argumenti.

U bla dubju, kif qalet il-President, episodji li ħolqu ġrieħi kbar f’pajjiżna hemm bżonn jingħalqu. Aktar ma jdumu ma jingħalqu aktar se jdum ħiereġ id-demm. Kien f’waqtu li semmiet episodji koroh li seħħew. Dak li ddikjarat hemm bżonn li jingħata kasu u pajjiżna jara li jagħlaq il-feriti.

Fi kliemha stess – “Il-ferita tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għadha miftuħa beraħ. Minnha għadu ħiereġ id-demm. Hemm bżonn li dan l-episodju tal-waħx jingħalaq darba għal dejjem. Inkella, m’aħniex se naqbdu t-triq ’il quddiem. Inkella l-‘fallout’ minnha jibqa’ jdur u jiġri magħna. Għalkemm għadda ż-żmien mhux ħażin mill-imwiet ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana, il-fatt li dawn qatt ma kellhom għeluq, bl-Ingliż ‘closure’, il-feriti tagħhom ukoll għadhom inixxu. Ejjew ma jiġrilniex l-istess.” Ejjew naraw li dak li qed tgħid il-President jitwettaq għal-ġid tagħna u ta’ wliedna

Ekonomija

Sport