Sunday, November 24, 2024

Diskuss il-bżonn li l-poplu Libjan jingħata d-dritt li jivvota f’elezzjonijiet ġusti

Malta toffri għajnuna assoluta biex tinkiseb l-istabbiltà politika fil-Libja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta offriet li tissejjaħ kemm-il darba jkun hemm bżonn biex tagħti l-kontribut tagħha bil-għan li terġa’ tinkiseb l-istabbiltà politika fil-Libja. Ikkonferma dan ma’ Talk.mt il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg filwaqt li spjega dwar l-aħħar żviluppi fid-diskussjonijiet dwar dak li għaddej fil-pajjiż ġar tagħna.

Borg saħaq li l-politika internazzjonali tagħna llum il-ġurnata tatna ċertu fiduċja. Kompla biex jgħid li l-poplu Libjan jafda lill-Maltin u jaf li l-uniku interess tagħna huwa l-ġid tal-Libja u tal-Libjani. 

Fil-fatt il-Libja kien wieħed mis-suġġetti li fl-aħħar jiem il-Ministru Ian Borg iddiskuta flimkien mas-Segretarju Ġenerali António Guterres fejn fost l-oħrajn tkellmu dwar kif il-Libjani jistgħu jaslu biex jiddemokratizzaw il-pajjiż, jaslu għall-elezzjonijiet u ma jħallux interventi barranin jgħidulhom x’jagħmlu bil-ġid enormi tagħhom. 

Il-Ministru qal li hemm ħidma kbira xi ssir u li min-naħa tiegħu ra impenn serju min-naħa ta’  Guterres. Dan tal-aħħar fid-diskors tiegħu saħaq li r-rappreżentanti fin-nazzjonijiet uniti huma b’mod assolut kommessi li jinstab qbil fuq in-nuqqasijiet tal-passat. Sostna li m’hemm l-ebda aġenda wara dan u li l-għan aħħari huwa wieħed, dak li jassigura d-dritt li l-poplu Libjan jgħix fil-paċi u li jkun jista’ jagħmel dan fi proċess demokratiku ġust fejn jivvota f’elezzjonijiet ġusti.

“Bħala Maltin nixtiequ li fid-dar ta’ maġenbna jkun hemm il-paċi u li l-ġirien tagħna jkollhom il-kuntentizza. Fl-aħħar mill-aħħar jekk huma jisfruttaw mill-ġid tagħhom, igawdu anke l-Maltin kif kienu jagħmlu b’xi mod jew ieħor meta l-Libja kienet stabbli”, temm jisħaq il-Ministru Borg. 

Sport