Fil-jiem li għaddew, il-President Myriam Spiteri Debono laqgħet żjara ta’ korteżija mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg flimkien mal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa.
Waqt il-laqgħa ġie diskuss il-progress li sar fl-avvanz tal-mara fis-soċjetà tagħna u l-passi oħrajn li jridu isiru biex ikollna ugwaljanza bejn il-ġeneri. Fl-istess waqt, kienet diskussa wkoll il-parteċipazzjoni bla preċedent tal-mara fis-suq tax-xogħol li fl-aħħar 10 snin mill-aħħar fl-Unjoni Ewropea qabżet il-medja tal-Unjoni Ewropea.
“Dan seħħ għaliex kellna tkabbir ekonomiku qawwi iżda aktar min hekk huwa importanti għaliex ta’ indipendenza lil mara. Kellna ukoll titjib biex tonqos id-diskrepanza bejn il-pagi tan-nies u tal-irġiel li qed nkomplu bl-inizjattivi biex dawn id-diskrepanzi jispiċċaw darba għal dejjem,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg f’kummenti ma’ dan il-ġurnal b’rabta ma’ din il-laqgħa.
“Għalkemm saru kisbet notevoli fil-parteċipazzjoni akbar tal-mara fil-politika u fl-oqsma tat-tmexxija kemm fiċ-ċivil kif ukoll fil-privat, nemmen li għad jonqos ħafna li issir. Wara l-progress miksub min-nies Maltin fil-kamp edukattiv, xejn m’għandu jżomm lil mara milli tikseb karigi tat-tmexxija u nappella għal parteċipazzjoni akbar tal-mara f’kull qasam inkluż fil-partiti politiċi u fl-għaqdiet volontarji.”
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li l-gvern se jkompli jagħmel l-parti tiegħu u f’qasir żmien se jkunu qegħdin jitħabbru diversi riformi biex titneħħa d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri f’għadd ta’ liġijiet.
“Nieħu gost ninnota li fl-ewwel xhur tal-presidenza ta’ Dr Spiteri Debono, sabet diversi okkażjonijiet biex tisħaq fuq din it-tema. L-Eċċellenza Tagħha hija mudell tal-mixja tal-mara fis-soċjetà tagħna anke għaliex kienet l-ewwel mara li serviet fil-kariga ta’ speaker tal-parlament u t-tielet mara li gvern imexxi mill-Partit Laburista nnomina biex tkun il-President tar-Repubblika,” hija temmet tgħid.
Min-naħa tagħha, il-President Spiteri Debono saħqet fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni permezz ta’ fora bħall-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa.