Fil-jiem li għaddew, matul żjara fil-Workers’ Memorial Building, il-General Workers’ Union iddiskutiet mal-Ewroparlamentari Laburista Thomas Bajada studju li wettaq huwa stess biex ikunu analizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi li jaffettwaw il-benesseri tal-individwi u tal-komunitajiet.
Dan l-istudju intitolat “The Economy of Wellbeing – Bridging the Gap” imur lil hinn minn sempliċi analiżi ta’ figuri u statistika, billi jiffoka fuq l-esperjenzi tan-nies u kif dawn jistgħu jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja. L-għan ewlieni huwa li jiġi identifikat il-mod kif il-politika tista’ tinbena minn isfel għal fuq, b’inklużjoni sħiħa taċ-ċittadini fl-iffurmar ta’ soluzzjonijiet effettivi.
Thomas Bajada stqarr li minn dan l-istudju, li sar fost 430 persuna madwar Malta u Għawdex, ħareġ li l-familja hija l-aktar istituzzjoni b’saħħitha f’pajjiżna tant li kważi 94% tal-parteċipanti sostnew li għalihom il-familja hi l-aktar ħaġa importanti f’ħajjithom, segwita mix-xogħol u d-divertimenti.
Barra minn hekk, 95% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ saħqu li l-aktar persuni li jafdaw f’ħajjithom huma l-membri tal-familja tagħhom. Dan filwaqt li saħqu wkoll dwar l-importanza tal-istabbilità finanzjarja.
L-istudju kien ibbażat ukoll fuq x’qed iħasseb lill-Maltin u l-Għawdxin bħalissa, fejn l-aktar li ssemmiet kienet il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Fil-fatt, dwar x’jikkontribwixxi għal benesseri emozzjonali, il-maġġoranza tal-parteċipanti semmew il-kisbiet personali, ir-relazzjonijiet, l-istress u l-finanzi.
“Importanti li nitkellmu dwar il-benesseri tal-komunità,” huwa żied jgħid. “Lill-parteċipanti tlabniehom biex huma jgħidulna x’jagħmluhom kuntenti u anke x’inhu jinkwetahom. L-approċċ tagħna għalhekk kien minn isfel għal fuq.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fisser il-ħidma li tagħmel il-GWU f’bosta oqsma li għandhom effett fuq il-ħajja tal-ħaddiema. Huwa qal li l-ħidma tal-union mhix limitata għal waħda trejdunjonistika biss imma tmiss ukoll ma’ oqsma oħra fosthom il-qasam soċjali u l-benesseri tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Flimkien mal-President tal-GWU Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri ddiskutew l-aċċess għal 32 siegħa ta’ leave urġenti tal-familja fis-sena, it-32 siegħa xogħol fil-ġimgħa minflok 40 siegħa, il-proposta tal-GWU li 40 siegħa xogħol jinqasmu fuq erbat ijiem, proposta li daħlet fis-seħħ fis-settur pubbliku u s-sitwazzjoni demografika f’pajjiżna fost oħrajn.
Il-laqgħa mal-GWU kienet parti minn sensiela ta’ laqgħat ta’ diskussjoni li Bajada qiegħed jagħmel bħalissa ma’ stakeholders differenti biex jisma’ x’għandhom xi jgħidu f’din ir-rigward biex ikompli jibni fuq l-istudju tiegħu.
Jakkumpanjaw lill-Ewroparlamentari Thomas Bajada kien hemm Justin Attard, Daniel Buhagiar u Marco Mulas.