Sunday, December 22, 2024

Diskussa l-migrazzjoni fil-Mediterran f’laqgħa bejn il-President Malti u l-President tal-Greċja

Aqra wkoll

L-impenji tal-President George Vella b’rabta mal-laqgħa tal-Arraiolos Malta komplew dalgħodu hekk kif laqa’ lill-President Katerina Sakellaropoulou tal-Greċja.

Iż-żewġ presidenti għaddew il-punti ewlenin tal-kwistjonijiet diskussi matul il-laqgħat tal-plenarja tal-Arraiolos, u ffukaw b’mod partikolari fuq il-migrazzjoni fil-Mediterran. It-tnejn saħqu dwar il-bżonn li jinstab bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Il-President Griega rreferiet għat-traġedja li seħħet fil-ġurnata ta’ qabel fejn għerqu xi migranti ’l barra mill-gżejjer ta’ Lesbos u Kythira.

Sar riferiment ukoll għall-aħħar żviluppi fir-rigward tal-fruntieri fil-Lvant tal-Mediterran fejn il-President Vella qal li l-liġi internazzjonali hija l-uniku mezz vijabbli li jsolvi tali tilwim. L-instabbiltà prevalenti fil-Libja ġiet diskussa wkoll fil-kuntest tat-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari li toriġina mill-Afrika sub-Saħarjana, bi tranżitu fis-Saħel, fejn il-punti finali tat-tluq bil-baħar ikunu l-kosta Libjana.

… il-President Malti u l-President Ġermaniż jiddiskutu l-iżviluppi fil-Balkani tal-Punent

Sadanittant, il-President Malti kellu wkoll laqgħa mal-President Ġermaniż Frank-Walter Steinmeier fil-Palazz ta’ San Anton. Il-President Steinmeier irrefera għal-laqgħa Arraiolos tal-Kapijiet ta’ Stat, organizzata mill-President Vella, u qal li kienet okkażjoni tassew f’lokha meta jitqies it-taqlib fl-Ewropa. 

Iż-żewġ presidenti ddiskutew fit-tul l-iżviluppi fil-Balkani tal-Punent mill-perspettiva tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. It-tnejn qablu li huwa importanti li l-pajjiżi kandidati u l-popli tagħhom jingħataw sinjali ċari ta’ inkoraġġiment u motivazzjoni.

Tkellmu fid-dettall ukoll dwar ix-xenarju l-aktar reċenti fl-Ukrajna, b’mod partikolari wara l-annessjonijiet illegali mir-Russja. Iż-żewġ presidenti ddiskutew ukoll l-iżviluppi fil-Mediterran, b’mod partikolari dawk fil-Libja.

Ingħatat ukoll ħarsa ġenerali lejn l-investiment Ġermaniż f’Malta tul l-għexieren tas-snin u l-President Vella qal li dan kellu rwol strumentali fit-tkabbir u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija.

Iż-żewġ presidenti ltaqgħu diversi drabi fil-passat, bl-aħħar darba tkun f’Berlin waqt żjara fil-Ġermanja mill-President George Vella f’Settembru tal-2021.

Ekonomija

Sport