Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura fi Brussell, li għaliha attenda l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, fost id-diversi temi ġie diskuss l-impatt tal-kriżi internazzjonali minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna, fuq il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda.
Dwar dan, il-Ministru Refalo esprima t-tħassib ta’ Malta dwar kemm il-fondi allokati taħt l-Agricultural Crisis Reserve jistgħu jindirizzaw id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw il-bdiewa u r-raħħala f’Malta. Il-ministru ġibed l-attenzjoni dwar kif ġiet maħduma l-allokazzjoni tal-baġit għal Malta u saħaq dwar il-bżonn ta’ miżuri alternattivi li jistgħu jkomplu jgħinu l-bdiewa Maltin li qed jiffaċċjaw l-isfidi preżenti. Huwa rrefera għas-sostenn li l-Gvern Malti qed jagħti permezz tas-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll l-iskema tal-vouchers tal-fertilizzanti, li qed ikunu kruċjali biex iżommu l-bdiewa joperaw.
Il-Ministru Refalo wera sodisfazzjon għall-approvazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu 2023-2027 ta’ Malta. Dan il-pjan ser jindirizza diversi aspetti fosthom li l-bdiewa u r-raħħala jkollhom dħul ġust; li jiġi salvagwardat il-pajsaġġ u l-bijodiversità ta’ pajjiżna; li tkompli titkattar l-innovazzjoni u li l-bidwi jkollu pożizzjoni aħjar fil-katina tal-ikel. Huwa spjega l-preparamenti għall-implimentazzjoni tal-istess pjan, fosthom bil-ħruġ ta’ diversi skemi li ser jirrispondu għall-bżonnijiet tal-bdiewa.
Dwar il-ħarsien tal-annimali, il-Ministru Refalo sostna li filwaqt li Malta taqbel li għandhom jiżdiedu u jiġu aġġornati l-istandards tal-ħarsien tal-annimali fuq livell Ewropew, huwa saħaq li r-reviżjoni tal-liġijiet għandhom ikunu bażati fuq l-aħħar sejbiet xjentifiċi u li għandu jkun hemm flessibbiltà biex l-istati membri jkunu jistgħu jimplimentaw miżuri li huma vijabbli fit-territorju tagħhom.
Waqt l-istess laqgħa, intlaħaq qbil dwar ir-regolament għall-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2023, li rriżultaw f’żieda tal-kwoti tas-sajd tat-tonn għal Malta. Iż-żieda ta’ 44 tunellata nkisbet wara ħidma li ilha għaddejja diversi xhur, u li ser tiżdied ma’ dik li Malta diġà kellha u ser tkun qed titqassam lis-sajjieda Maltin u Għawdxin fl-istaġun li ġej.