Waħda mill-persuni li għamlet rapport mal-pulizija dwar programm li allegatament kien qed “jippromwovi t-terapija ta’ konverżjoni tal-omosesswali” sostniet fil-Qorti li d-diskussjoni li saret f’dan il-programm kienet qanqlitilha emozzjonijiet li esperjenzat fil-passat meta “ħassitha ħażin” li kienet miġbuda lejn in-nisa fi skola tal-bniet.
Cynthia Chircop, li identifikat lilha nfisha bħala queer, kienet qiegħda tixhed fi proċeduri kriminali li nbdew wara wara rapport li ppreżentat dwar programm li xxandar fuq PMnews Malta nhar is-6 ta’ April 2022. Dakinhar Matthew Grech kien tkellem dwar l-esperjenza personali tiegħu bħala eks persuna gay u dwar prattiċi ta’ konverżjoni tal-omosesswali.
Grech, flimkien mal-preżentaturi Mario Camilleri u Rita Bonnici, qed ikunu mixlija li kisru l-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, u l-Espressjoni tal-Ġeneru billi allegatament ippromwovew it-terapija tal-konverżjoni.
Waqt seduta twila matul il-jum tal-Ġimgħa, il-Prosekuzzjoni ressqet diversi xhieda, fosthom dawk li kienu taw bidu għall-investigazzjonijiet tal-pulizija kif ukoll l-uffiċjali li kienu ħadu ħsieb ir-rapporti tagħhom.
Waqt li kienet qiegħda tispjega kif saret taf bil-programm xi tliet ġimgħat wara li xxandar, Chircop qalet li Sylvan Agius, persuna oħra li ressaq rapport separat mal-pulizija, kien ikkuntattja lill-Malta Gay Rights Movement dwar l-istess programm u pprovdielhom il-link tal-Facebook. Hija qalet li sussegwentement rat id-diskussjoni ta’ siegħa u nofs waqt li kienet waħedha d-dar u wara kkonsultat mal-MGRM.
Wara, Chircop, marret l-Għassa tar-Rabat fejn għamlet rapport mal-pulizija. Rapporti oħra saru minn Agius u Christian Attard. Fuq bażi personali, Chircop qalet li meta rat il-programm, ġabilha memorji ta’ meta kienet għadha żgħira meta ħassitha ħażin li tkun miġbuda lejn in-nisa fi skola tal-bniet.
“Għalkemm sħabi u l-ġenituri dejjem appoġġjawni, naf li hemm persuni vulnerabbli fis-soċjetà li mhumiex aċċettati, u li hemm ġenituri li jsibuha diffiċli biex jaċċettaw lil uliedhom għaliex huma gay jew transgender,” qalet ix-xhud.
Hija nsistiet li Grech kien ingħata pjattaforma sabiex jitkellem dwar prattiċi li huma illegali. Mistoqsija jekk kinitx ressqet ir-rapport minħabba l-kontenut tal-intervista hija wieġbet fl-affermattiv.
Mistoqsija dwar jekk Grech kienx qal li kull persuna LGBTIQ kellhiex tirrikorri għal terapiji bħal dawn, hija wieġbet “onestament ma nistax niftakar”.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Monica Vella.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Roderick Attard.
L-Avukati Frank Anthony Tabone, Arthur Azzopardi, Joe Bugeja u Jeanice Dalli qed jidhru għal Grech. L-Avukat Emmy Bezzina deher għal Camilleri u Bonnici.
L-Avukati Cedric Mifsud u Ian Barbara dehru parte civile.