Dalgħodu, il-Malta Food Agency organizzat sessjoni ta’ djalogu bil-parteċipazzjoni ta’ bosta stakeholders mis-settur sabiex tiġi diskussa l-evoluzzjoni tas-swieq tal-ikel lokali.
Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Anton Refalo sostna kif permezz tal-aġenzija responsabbli mill-ikel flimkien mal-bosta skemi finanzjarji li jinħargu, is-setturi li jaħdmu fihom l-bdiewa, raħħala u sajjieda Maltin qed ikomplu jissaħħu u jitjiebu.
Il-Ministru Refalo elenka bosta responsabbiltajiet li għandha din l-aġenzija li ser jwasslu għal aktar titjib f’dawn is-setturi fosthom il-bini ta’ pitkalija ġdida li tassigura valur miżjud u profittabilità xierqa għall-bdiewa; l-introduzzjoni ta’ tikketta li tidentifika prodotti lokali; aktar investiment fil-pixkerija; l-esportazzjoni tal-prodott Malti u ħidma mal-bdiewa u r-raħħala sabiex jirreġistraw prodotti Maltin bħala Product Designated of Origin, fost oħrajn.
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet li l-Malta Food Agency għanda rwol importanti fil-ħidma tal-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda Maltin u Għawdxin. Hija tenniet li bħala gżira żgħira, is-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd u l-akwakultura jiddependi fuq it-tisħiħ tal-aċċess għall-ikel ekwu għal kull individwu f’pajjiżna kemm għall-ġenerazzjoni preżenti u dik futura. Bugeja Said saħqet kif bl-impenn tal-Gvern il-prezzijiet tal-ħut lokali baqgħu konsistenti kif ukoll affordabbli. Għaldaqstant dan jassigura li l-ħut mibjugħ mis-sajjieda qed jasal għand il-konsumatur Malti u Għawdxi.
“Il-ħidma ta’ din l-aġenzija għadha biss fl-istadji inizjali tagħha u l-futur huwa wieħed mimli opportunitajiet ġodda. Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna biex inwettqu l-bidliet kollha meħtieġa biex dan is-settur ikompli jkun ta’ suċċess,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.