Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva organizza laqgħa ta’ konsultazzjoni nazzjonali bit-tema ‘Envision2050 – The Promise of Active Ageing: Living Longer, Living Better’. Din il-laqgħa ġabet flimkien għadd ta’ stakeholders li għandhom rabta diretta jew indiretta mas-settur tal-anzjanità attiva, minn istituzzjonijiet governattivi, entitajiet privati u NGOs.
Fid-diskors tiegħu waqt din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea sostna li dan l-avveniment jirrifletti l-impenn tal-Gvern sabiex is-settur tal-anzjanità jkun mhux biss sostenibbli iżda wkoll vijabbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. “Għandna responsabilità li noħolqu politika b’viżjoni fit-tul. Ma nistgħux nibqgħu nindirizzaw biss l-urġenzi tal-lum. Għalhekk qed niftħu diskussjoni serja dwar x’ser ikunu l-ħtiġijiet, l-isfidi u l-aspettattivi tal-anzjani sal-2050,” qal Dr Agius Galea.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, qal kif, “Iż-żgħażagħ tal-lum huma l-anzjani ta’ għada, għalhekk huwa fl-interess tagħna lkoll li nkomplu naraw li l-mudelli ta’ kura futuri jibqgħu sostenibbli filwaqt li joffru kwalità. Il-prevenzjoni hija kruċjali bħala pilastru strateġiku li jiggarantixxi futur b’anqas mard u li jista’ jwassal għal anqas dipendenza. Fix-xhur li ġejjin se nkomplu nedukaw u nniedu miżuri preventivi biex nippreservaw kemm nistgħu saħħet il-Maltin u l-Għawdxin,” temm jgħid Dr Abela.
Dr Jonathan Spiteri mit-tim Viżjoni Malta 2050 spjega kif il-Viżjoni hija bbażata fuq erba’ pilastri li jilħqu l-milja tagħhom bl-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja. “Il-Viżjoni tara li pajjiżna ma jeskludi lil ħadd, biex nassiguraw komunitajiet reżiljenti. L-anzjani huma pilastru tas-soċjetà Maltija u qed naraw li nifhmu l-ħtiġijiet partikolari tagħhom, anke fir-rigward ta’ aċċess għal iktar diġitalizzazzjoni u iktar sapport soċjali, fost oħrajn. Dan kollu huwa fil-qalba tal-Viżjoni hekk kif se nkunu qed naħdmu għal servizzi li jżommu l-individwu fil-qafas tagħhom.”
L-avveniment kellu wkoll erba’ panels tematiċi li indirizzaw diversi oqsma, fosthom il-parteċipazzjoni soċjali, il-kura fil-komunità, ir-riabilitazzjoni, u l-kura ġerjatrika speċjalizzata.
Is-Segretarju Permanenti Renzo Degabriele għalaq l-avveniment billi tenna, “Jeħtieġ nirriflettu fuq dak li għamilna, naraw x’ma ħadimx, u nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq evidenza u konsultazzjoni. Għaldaqstant, il-futur tal-anzjanità f’Malta għandu jkun mibni fuq esperjenza, evidenza u empatija.”