Wednesday, December 25, 2024

Diskussjonijiet dwar kif il-112-il investiment privat mill-Indja f’Malta jkomplu jissaħħu

Aqra wkoll

“F’Malta, preżentament għandna 112-il kumpanija jew investiment privat mill-Indja, però hemm bżonn li fis-settur tal-kummerċ inkomplu nkabbru din ir-relazzjoni li għandna mal-Indja u fuq kollox naraw ukoll li nżidu l-esportazzjonijiet tagħna lejn l-Indja.” Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt stqarrija għall-istampa u laqgħa bilaterali li kellu mal-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Esterni u l-Kultura tal-Indja Meenakshi Lekhi.

Waqt il-laqgħa bilaterali li seħħet fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ fil-Belt Valletta, il-Ministru Ian Borg qal li wara aktar minn 57 sena ta’ relazzjonijiet bilaterali hemm aktar lok fejn dawn ir-relazzjonijiet ikunu msaħħa. Ian Borg qal li minkejja d-differenza fid-daqs taż-żewġ pajjiżi, it-tnejn għandhom ekonomiji vibranti li għandhom jiġu sfruttati bl-aħjar mod possibbli għall-ġid tal-poplu Malti u dak Indjan.

Dwar is-settur tal-kummerċ, il-Ministru Borg stqarr illi jemmen li b’mod partikolari fis-setturi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni teknoloġika, tal-farmaċewtika, u anke l-industrija tal-films, hemm bosta opportunitajiet biex b’mod konġunt issir kollaborazzjoni strateġika. Għal dan il-għan, ix-xahar id-dieħel delegazzjoni ministerjali se tkun qed iżżur l-Indja sabiex tibni fuq dak diskuss dwar il-farmaċewtika u potenzjalment tattira investimenti ġodda.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Ian Borg stqarr illi Malta, bħala pajjiż tal-Unjoni Ewropea, tilqa’ b’sodisfazzjon it-titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja anke fid-dawl tal-isfidi li qed naffaċċjaw fuq livell globali. Għaldaqstant, il-ministru tenna li Malta tappoġġja bis-sħiħ is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja fil-qasam tan-negozju u l-kummerċ ħieles, l-ekonomija diġitali, l-ekonomija ċirkolari u fuq kollox it-tibdil fil-klima u l-governanza tal-oċeani.

Il-Ministru Borg rringrazzja lill-Ministru Meenakashi Lekhi għall-appoġġ li l-Indja toffri lil Malta b’mod kontinwu fuq livell multilaterali, inkluż b’rabta mas-siġġu li pajjiżna se jkun qed jokkupa fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Meenakshi Lekhi qalet li tinsab onorata bil-merħba li ngħatat f’pajjiżna u saħqet ukoll dwar il-bżonn li jkomplu jissaħħu r-rabtiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Ministru għall-Affarijiet Esterni u l-Kultura spjegat li l-Gvern Indjan għandu l-intenzjoni li jkompli jiffirma u jikkopera fuq numru ta’ Ftehimiet fil-Prinċipju li jtejbu l-ħajja taż-żewġ popli. Hija tenniet li temmen li n-negozji Maltin għandhom potenzjal qawwi biex jinvestu fl-Indja. Il-Ministru Lekhi ukoll għamlet stedina uffiċjali lill-Ministru Borg sabiex jagħmel żjara flimkien ma’ delegazzjoni kummerċjali fl-Indja.

Ekonomija

Sport