Tuesday, December 24, 2024

Diskussjonijiet importanti favur l-aċċess għal mediċini innovattivi minn pajjiżi żgħar fl-UE

Aqra wkoll

Bħala parti mill-ftehim ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tas-saħħa ffirmat bejn Malta u Ċipru, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela laqa’ delegazzjoni minn Ċipru mmexxija mill-Ministru għas-Saħħa Michael Damianos.

Matul dawn il-ġranet saru diversi laqgħat li matulhom ġie diskuss kif Malta u Cipru jistgħu jaħdmu flimkien sabiex jegħlbu l-isfidi komuni li ż-żewġ pajjiżi jesperjenzaw bħala pajjiżi żgħar fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aċċess għall-mediċini. Iż-żewġ ministri qablu li jkomplu jaħdmu flimkien ma’ pajjiżi oħra speċjalment dawk żgħar fi ħdan l-UE, sabiex ifittxu soluzzjonijiet għal xiri ta’ mediċini innovattivi u mediċini li huma meħtieġa f’ammonti żgħar biex b’hekk permezz ta’ din il-kollaborazzjoni jibbenefikaw il-pazjenti.

Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna wkoll kif iż-żewġ pajjiżi issa se jkunu qed jagħmlu lobbying flimkien mal-25 stat membru ieħor tal-UE biex jaqblu ma’ din il-politika. Spjega li sabiex isir dan hemm bżonn ta’ djalogu bejn pajjiżi żgħar oħra bħalna mal-industriji konċernati. “Permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern qed iżid l-isforzi tiegħu biex aktar pazjenti jkollhom aċċess għal mediċini, kif u meta għandhom bżonn, anke meta d-domanda hija waħda baxxa,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Damianos qal kif din kienet ġurnata ta’ diskussjonijiet siewja ħafna dwar id-diversi sfidi li aħna, bħala żewġ pajjiżi żgħar tal-UE qed niffaċċjaw.

“Aħna, fost oħrajn, iddiskutejna l-isfidi dwar id-disponibbiltà tal-mediċini f’Malta, iżda aktar importanti l-proposta Ċiprijotta għal kooperazzjoni volontarja tal-Istati Membri tal-UE għall-akkwist konġunt ta’ prodotti mediċinali. Se nżommu din id-diskussjoni ħajja għall-benefiċċju reċiproku tan-nies u l-pazjenti tagħna madwar l-UE kollha,” sostna Dr Damianos.

Intant saru wkoll żjarat f’numru ta’ siti ta’ ‘batch release’ fil-qasam farmaċewtiku fejn id-delegazzjoni Ċiprijotta setgħet tara l-ħidma u l-produzzjoni ta’ numru ta’ mediċini.

Iż-żewġ Ministri temmew din iż-żjara f’laqgħa ma’ rappreżentanti tar-regolaturi, is-CPSU u l-industrija tal-farmaċewtika taż-żewġ pajjiżi u l-Malta Enterprise.

Ekonomija

Sport