Sunday, December 29, 2024

DISTAKK TA’ 9.8% BEJN IL-PL u L-PN

Aqra wkoll

Ftit ġimgħat wara li I-Gvern Laburista ppreżenta t-tieni minn ħames budget fit-tielet leġiżlatura tiegħu, il-polz tal-elettorat bħalissa juri distakk ta’ 9.8% favur il-Partit Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista. Dan jirriżulta minn stħarriġ ikkummissjonat minn It-Torċa u li sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmarà bejn is-17 u l-24 t’Novembru b’kampjun kbir ta’ 1,000 persuna.
Meta applikat il-mudell xjentifiku tal-Multiple Imputation Technique, is-survey juri li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada l-Partit Laburista jikseb 52.4% ta’ dawk li ddikjaraw il-vot tagħhom u l-Partit Nazzjonalista 42.6%. 5.1% qalu li jivvutaw ADPD jew partiti oħra.

Li kieku ssir elezzjoni ġenerali għada, lil min tivvota?

Dott. Marmarà spjega li d-distakk huwa tnaqqis għall-Partit Laburista mill-aħħar elezzjoni ġenerali, primarjament minħabba li numru akbar ta’ nies li vvutaw lill-Partit Laburista li qalu li f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada ma jivvutawx. Stqarr li ċ-ċaqliq ta’ voti bejn il-partiti huwa wieħed minimu, infatti f’dan l-istħarriġ ġie rreġistrat shift minimu ta’ 1.1% mill-Partit Laburista lejn il-Partit Nazzjonalista.

L-istatistiku spjega li n-numri qed juru li f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada, għandek numru sostanzjali ta’ votanti li qegħdin jgħidu li mhux ser jivvutaw u b’hekk it-turnout jindika li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada jkun ta’ madwar 72%.

Vincent Marmarà qal li dawn ir-riżultati juru wkoll li meta mqabbel mal-aħħar survey li sar f’Ottubru li għadda, dawn ir-riżultati qed jindikaw li hemm aktar nies li qegħdin jgħidu li ser jivvutaw u b’hekk dan affettwa wkoll id-distakk favur il-Partit Laburista. “Meta wieħed jikkunsidra dan kollu, u jikkunsidra t-turnout preżenti, id-distakk bejn il-partiti jiġi madwar 25,000 vot favur il-Partit Laburista,” spejga l-istatistiku.

Meta mqabbel mar-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali, dan is-survey juri li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jnaqqas 2.7% tal-voti, il-Partit Nazzjonalista jżid 0.9% u l-ADPD u partiti oħrajn iżidu 1.9%.

Votanti tal-Partit Laburista 2022: “Li kieku ssir elezzjoni ġenerali għada, liema partit tivvota?”

Fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, 71.2% qalu li jafdaw l-aktar lill-Partit Laburista, 1.1% wieġbu li jivvutaw lil Partit Nazzjonalista, 14.9% qalu li ma jivvutawx, 11.1% wieġbu li ma jafux, u 1.6% qalu li oħrajn.

Votanti tal-Partit Nazzjonalista 2022: “Li kieku ssir elezzjoni ġenerali għada, liema partit tivvota?”

Mill-banda l-oħra, fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, 75.8% wieġbu li jerġgħu jivvutaw lil Partit Nazzjonalista, 12.9% wieġbu li ma jivvutawx, u 11.3% wieġbu li ma jafux.

Ekonomija

Sport