Monday, May 13, 2024

DISTINZJONI BEJN L-OPINJONI PERSONALI U DIK ISTITUZZJONALI

Aqra wkoll

Iż-żjara li għamlu flimkien f’Iżrael il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qanqlet kontroversji kbar mhux biss fl-Unjoni Ewropea bħala organizzazzjoni imma wkoll f’xi pajjiżi tal-Unjoni. Din iż-żjara kienet interpretata bħala appoġġ qawwi lill-Iżrael fil-gwerra ta’ Gaża.
Bla dubju din iż-żjara tfissret minn ħafna li ż-żewġ uffiċjali għoljin tal-Unjoni kienu qegħdin jesprimu s-sentiment mhux biss tagħhom personali, imma anke tal-istituzzjonijiet li huma jirrappreżentaw. Għamlu dan bla ma qiesu x’riperkussjonijiet kien hemm wara ż-żjara tagħhom.

Għandna għax nifhmu li filwaqt li Dr Metsola kienet qiegħda tirrappreżenta l-Parlament Ewropew fi żjara f’Iżrael, b’danakollu dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li hija persuna Maltija. F’pajjiżna għandna jgħixu kemm Iżraeljani u anke Palestinjani li x’aktarx għandhom qrabathom jew ħbiebhom li jinsabu f’nofs din il-gwerra. Għalhekk importanti li nifhmu li ma għandna nħallu qatt dawn il-gwerer jinfixru f’kunflitti bejn il-komunitajiet diversi f’pajjiżna. Bl-istess argument pajjiżna m’għandux iħalli l-mibegħda tinxtered kontra tagħhom. Għalhekk wieħed jistaqsi jekk Dr Metsola kkunsidratx dawn l-implikazzjonijiet ukoll fiż-żjara tagħha f’Iżrael.

Fortunatament anke ż-żgħażagħ Maltin qegħdin isiru iżjed konxji tal-ħtieġa li l-paċi tirrenja kullimkien u dan għax qegħdin jifhmu li l-aktar li jbatu fil-kunflitti u l-gwerer huma n-nies ċivili inkluż t-tfal. Dan esprimewh b’mod qawwi fiż-żjara li Dr Metsola għamlet fl-MCAST fejn urewha l-istmerrija tagħhom għaż-żjara fl-Iżrael permezz ta’ tabelli li kellhom f’idejhom jikkundannaw iġ-ġenoċidju li qiegħed jitwettaq f’Gaża.

Infakkru li pajjiżna huwa pajjiż newtrali u fi gwerra ma jappoġġja lil ebda naħa tal-kunflitt għalkemm għandu d-dmir li juri solidarjetà u jgħin lill-popli ċivili tagħhom. In-newtralità ta’ Malta titfa’ wkoll ir-responsabbiltà fuq il-pajjiż biex jaħdem għall-paċi kull fejn hemm kunflitt, anzi din hija l-vokazzjoni ta’ Malta, li dejjem fehmet li f’kull kunflitt u gwerra m’hemm l-ebda rebbieħ imma hemm biss telliefa. Għalhekk iktar u iktar wieħed għandu joqgħod attent kif jaġixxi u x’azzjonijiet jieħu f’sitwazzjonijiet sensittivi u delikati bħal dawn.

Dan li qegħdin ngħidu bl-ebda mod ma jirrifletti xi kulur politiku. Tant hu hekk li aħna naqblu perfettament li fil-Lvant Nofsani ma jistax ikun hemm paċi jekk ma jkunx aċċettat id-dritt tal-Palestinjani li jkollhom l-istat tagħhom. Għalhekk nemmnu wkoll li waħda mis-soluzzjonijiet għall-kisba tal-paċi f’dan ir-reġjun tista’ tkun li jkun hemm stat Palestinjan ukoll kif diġà hemm dak Iżraeljan. Din is-soluzzjoni ta’ żewġ stati kienet issemmiet ukoll mill-President Emeritus Guido de Marco li snin ilu saħaq fuq id-dritt tal-poplu Palestinjan li jkollu artu.

Nemmnu fuq kollox li kull kariga għolja kemm hi għolja ġġorr magħha responsabbiltajiet li mhux lakemm jiġu aljenati. Għalhekk persuni f’kariga għandhom ikunu għaqlin biżżejjed biex jagħrfu minn qabel l-implikazzjonijiet tal-azzjonijiet tagħhom li jkun jkunu ħadu li għad ikunu se jieħdu.

Sport