Numru ta’ ħwienet fil-Ħamrun instabu li qegħdin joperaw bil-liċenzja skaduta, u kellhom jagħlqu sakemm jirregolaw irwieħhom mal-awtoritajiet kompetenti. Dan wara numru ta’ spezzjonijiet li saru lbieraħ bil-lejl mill-Pulizija tad-Disrett tal-Ħamrun, li kienu assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
L-ispezzjonijiet saru f’diversi toroq fosthom fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Triq Dun Nerik Cordina Perez, Triq Ħal Qormi, Pjazza San Pawl. Saru wkoll spezzjonijiet għall-għarrieda f’diversi ħinijiet tal-ġurnata fi Ġnien Oreste Chircop.
Waqt dawn l-ispezzjonijiet inħarġu numru ta’ taħrikiet ta’ kontravenzjoni fosthom ta’ tipjip fuq ġewwa tal-istabbilimenti. Ġew innutati wkoll irregolaritajiet oħrajn u għaldaqstant se jinħarġu akkużi fil-konfront ta’ kull min wettaq l-illegalità.
Filwaqt li dawn l-ispezzjonijiet se jkompli jsiru fil-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż, il-Pulizija appellat għall-koperazzjoni, kemm tas-sidien tal-istabbilimenti kif ukoll tal-persuni li jiffrekwentawhom u jittieħdu l-passi skont il-liġi kontra dawk li ma josservawx il-liġi.