Friday, December 27, 2024

Diversi persuni feruti wara li raġel spara fuq karozza tal-linja f’Ġerusalemm

Aqra wkoll

Minn tal-inqas tmien persuni sofrew ġrieħi hekk kif raġel armat fetaħ in-nar fuq karozza tal-linja qrib il-Ħajt tal-Punent ġewwa l-parti antika ta’ Ġerusalemm. 

L-aggressur fetaħ in-nar fuq il-pellegrini li kienu qed jirritornaw lejn darhom wara t-talb. Żewġ persuni – fosthom mara tqila – jinsabu f’kundizzjoni kritika. Wara l-attakk l-aggressur ħarab minn fuq il-post, iżda rapporti fil-midja rrapportaw li dan ta ruħu b’idejh lill-awtoritajiet ftit tal-ħin wara. Il-Ħajt tal-Punent huwa l-iktar maqdes importanti fil-Ġudaiżmu u ta’ kull sena eluf ta’ persuni jżuruh biex jitolbu. 

L-uffiċjali tal-emerġenza ta’ Iżrael qalu li l-aggressur wettaq l-attakk fuq il-karozza tal-linja hekk kif din waqfet qrib il-Qabar ta’ David. Ix-xufier tal-karozza tal-linja qal li dak il-ħin il-vettura kienet mimlija bin-nies.  Meta kien qiegħed jitkellem mal-midja x-xufier qal li, “ftaħna r-rampa biex persuna li kienet fuq siġġu tar-roti tkun tista’ tinżel u f’daqqa waħda beda l-isparar. Kulħadd imtedd mal-art jgħajjat. Jien ipprovat insuq, iżda l-karozza tal-linja ma setgħetx timxi minħabba li kellha r-rampa miftuħa.”

 Rapporti fil-midja qalu li l-aggressur huwa Palestinjan li jgħix fil-Lvant ta’ Ġerusalemm. Dan l-attakk seħħ ġimgħa wara li 47 persuna tilfu ħajjit­hom fil-Medda ta’ Gaża f’attakki li Iżrael wettaq fuq il-mexxejja tal-moviment Ġiħad Iżlamiku Palestinjan, u min-naħa tagħhom il-militanti sparaw xejn inqas minn 1,000 rokit lejn Iżrael.

Ekonomija

Sport