Thursday, November 21, 2024

Dixxendent Malti b’ċans li jkun il-Viċi President ta’ Kamala Harris

L-elezzjoni presidenzjali Amerikana wara li Biden irtira l-kandidatura tiegħu…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħal-lum ġimgħa l-President Amerikan Joe Biden ħabbar li se jirtira l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti 2024. Floku nnomina lill-Viċi President tiegħu Kamala Harris li min-naħa tagħha diġà kisbet l-appoġġ tal-maġġoranza tad-delegati tal-partit Demoratiku. 

Harris, li bdiet bil-kampanja tagħha b’saħħa ta’ donazzjonijiet u argumenti jaħarqu fosthom id-dritt tal-abort, issa trid tinnomina l-viċi tagħha u fost dawk imsemmija hemm proprju d-dixxendent Malti, Pete Buttigieg li bħalissa jokkupa l-pożizzjoni ta’ Segretarju għat-Trasport tal-Istati Uniti. 

Jekk Kamala Harris tagħżel lilu bħala l-viċi tagħha u terbaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru li ġej, dan ikun ifisser li bħala viċi president tal-Istati Uniti jkun hemm iben Malti.

It-tieni persuna wara l-president u suċċessur huwa l-viċi tiegħu

L-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti twassal għat-tmexxija tas-super potenza u min huwa fit-tmun ta’ dan il-pajjiż huwa l-aktar persuna potenti fid-dinja. It-tieni persuna wara l-president u suċċessur huwa l-viċi tiegħu. Wara li rtira l-kandidatura Biden, l-ewwel president f’dawn l-aħħar 56 sena li ma reġax ħareġ għat-tieni mandat, l-attenzjoni u l-interess waqgħu fuq in-nominazzjonijiet tal-viċi presidenti taż-żewġ partit ewlenin fit-tellieqa għall-White House.

L-għażla ta’ viċi president tal-partit Repubblikan hija J.D. Vance u issa jmiss lill-partit Demokratiku li jħabbar il-viċi president il-ġdid tiegħu. Kamala Harris kienet tokkupa dan ir-rwol spalla ma’ spalla ma’ Biden. Issa li din għandha l-appoġġ meħtieġ biex tkun nominata bħala l-kandidata għall-Presidenza Amerikana f’isem id-Demokratiċi, hemm bżonn li tinnomina l-viċi president tagħha. 

Huwa rrapportat li, wisq probabbli, din l-għażla minn Harris issir qabel il-konvenzjoni tal-partit li se ssir bejn id-19 u t-22 ta’ Awwissu f’Chicago. Il-kandidati għal dan ir-rwol għandhom importanza għalina hekk kif fil-lista tal-persuni li possibbilment jintgħażlu bħala l-viċi president ta’ Harris, kif għidna, hemm id-dixxendent Malti Pete Buttigieg. Miegħu qegħdin jissemmew il-Gvernatur ta’ Kentucky Andy Beshear; ir-rappreżentant ta’ Texas Joaquin Castro; il-Gvernatur ta’ North Carolina Roy Cooper; is-Senatur ta’ Arizona Mark Kelly; il-Gvernatur ta’ Illinois J.B. Pritzker; u l-Gvernatur ta’ Pennsylvania Josh Shapiro.

Tim Harris u Buttigieg: “Enerġija ġdida”

… Iżda sfida għal voti mill-anzjani

Tim magħmul minn Harris u Buttigieg, li għandu 42 sena u huwa omosesswali miżżewweġ, qiegħed jitqies bħala enerġija ġdida għall-Partit Demokratiku. Iżda, min-naħa l-oħra dan jista’ jirriżulta wkoll bħala sfida biex jintrebħu voti minn elettorat li jkun imdaħħal fiż-żmien. 

Pete Buttigieg, iben il-Malti Joseph Buttigieg, twieled f’Indiana, l-Istati Uniti u attenda l-Università ta’ Havard. Huwa serva fil-qawwa navali Amerikana u ttanta xortih bħala kandidat għall-elezzjoni presidenzjali tal-2020. Wara huwa nħatar bħala Segretarju għat-Trasport ta’ Biden. 

Dan l-eks Sindku ta’ South Bend, Ind., illum il-ġurnata jgħix f’Michigan, l-istat fejn trabba’ żewġu u huwa wkoll stat ta’ importanza kbira għad-Demokratiċi fl-elezzjoni ta’ Novembru li ġej. 

Kif għidna l-ġimgħa l-oħra, is-sorpriżi f’din l-elezzjoni presidenzjali Amerikana 2024 se jibqgħu ġejjin. Din, almenu, hija waħda pożittiva hekk kif dixxendent Malti jista’ jasal li jkun il-Viċi President tal-Istati Uniti. Dan dejjem jekk Buttigieg jintgħażel huwa bħala viċi ta’ Kamala Harris u jekk din tal-aħħar terbaħx kontra Donald Trump f’Novembru. Wieħed irid jistenna u jara x’jiġri.

Sport