Sunday, December 22, 2024

Dixxidenti ħajjin ta’ Leonardo da Vinci

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Studju li jmur lura 690 sena jsib 14-il qraba tal-ġenju ta’ Żmien ir-Rinaxximent

Studju ppubblikat riċentament sab għadd ta’ persuni ħajjin li huma dixxendenti tal-famuż Leonardo da Vinci. Ir-riċerka estensiva rrapportata fuq il-ġurnal “Human Evolution” investigat l-arblu tar-razza tal-persunaġġ ta’ Żmien ir-Rinaxximent u sab li hemm 14-il qraba b’uħud minnhom jgħixu viċin il-belt li kien jgħix fiha huwa stess – Vinci, fl-Italja.

Bil-għan li jkun ikkonfermat jekk hemmx dixxendenti, l-awturi tal-istudju marru lura 690 sena fejn b’mod mitikoluż ikkumparaw il-kromożon ‘Y’ ta’ dak li għadhom ħajjin mal-antenati tagħhom.

Da Vinci, famuż għall-intelliġenza ġenjali tiegħu kif ukoll bħala pittur, skultur u xjenzat, għex bejn l-1452 u l-1519. L-awtur tal-istudju, Alessandro Vezzosi f’intervista mal-midja Taljana Ansa, qal li, “l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn sena u 85 sena. Huma ma jgħixux f’Vinci iżda f’inħawi tal-madwar u jibqgħu tilgħin sa Versilia (fuq il-kosta ta’ Tuscan). Id-dixxendenti ta’ dan il-persunaġġ famuż għandhom impjiegi normali bħal skrivani, periti u artiġġjani”.

Din l-aħbar hija riżultat ta’ 10 snin riċerka minn Vezzosi u Agnese Sabato. Din tal-aħħar ikkonċentrat aktar fuq l-istudju ġenetiku ta’ da Vinci. Id-dixxendenti li għadhom ħajjin huma kollha wild qraba ta’ da Vinci, inklużi 22 aħwa subien mhux mill-istess ġenituri. Il-ġenju tal-matematika ma kellux tfal minn tiegħu.

Ir-riċerkaturi issa qegħdin jittamaw li l-informazzjoni miġbura ssib jekk hemmx fatturi ġenetiċi u/jew ġeografiċi li setgħu influwenzaw b’xi mod l-intelliġenza straordinarja ta’ Leonardo da Vinci, il-fatt li xjaħ minn kmieni u li kien lemini. Skont l-istqarrija, l-istudju se jinfirex ukoll fuq kapaċitajiet oħra ta’ dan il-ġenju, inkluża dik tal-viżta eċċezzjonali li kellu.

L-awturi kienu wkoll involuti fuq il-Proġett tad-DNA ta’ Leonardo da Vinci, li l-ħsieb warajh huwa li “jikkonkludi b’mod defenittiv jekk il-fdalijiet umani li jgħidu li huma tiegħu fil-Kastell Amboise, humiex fil-fatt tiegħu. Ladarba l-fdalijiet ikunu kkonfermati li huma ta’ da Vinci, ix-xjenzati se jistudjaw is-sekwenza ġenetika biex jippruvaw jifhmu aħjar it-talenti straordinarji u viżta impekkabbli li kellu”.

Ekonomija

Sport