Minn Cristian Muscat
Kif bdiet il-passjoni tiegħek għall-futsal?
Il-passjoni tiegħi għall-futsal bdiet fi żmien l-iskola fis-Serbja.
Konna nilagħbu ħafna tournaments ġewwa (‘indoor pitch’) li kienu parti importanti ħafna fl-iżvilupp tal-futbol aktar tard. Imma fis-Serbja kellna nagħżlu futsal jew football għax ma stajniex nirreġistraw għat-tnejn li huma. Bqajt fil-futbol imma l-futsal dejjem kien f’moħħi. Segwejt kampjonati tal-futsal madwar l-Ewropa biex nipprova nikseb kemm jista’ jkun informazzjoni dwar it-taħriġ u dejjem kien parti minni. Naturalment il-futbol bqajt nilgħabu fil-Kampjonat fis-Serbja.
U meta kelli 21 sena, ġejt ngħix Malta fl-2010. Minn dakinhar sal-lum ili involut fil-futbol u l-futsal f’Malta.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikummenta fuq is-suċċess li ksibtu bħala University of Malta Futsal permezz tar-rebħ tal-Laferla Futsal Trophy?
L-ewwelnett, prosit lill-plejers tiegħi u lin-nies kollha li qegħdin wara l-klabb. L-aħħar staġun kien wieħed diffiċli kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ. Kienet sfida kbira. Fil-finali tat-Trophy, lgħabna kontra tim b’saħħtu u ta’ kwalità, Luxol Futsal. Kienet sfida diffiċli ħafna. Kienet logħba viċina ħafna fejn iż-żewġ timijiet taw kollox biex jirbħu. Kuntent li t-tim tiegħi fl-aħħar rebaħ. Kburi ħafna bil-plejers tiegħi! Dixxiplina, fokus, u ‘team spirit’ kienu l-ingredejnti ewlenin għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni!
Proprju nhar l-Erbgħa li għadda rbaħt l-unur tal-Kowċ tas-Sena 2025 waqt is-serata finali tal-FMA Awards. Agħtina iktar dettalji.
Hija sensazzjoni sabiħa meta n-nies jirrikonoxxu u japprezzaw ix-xogħol tiegħek.
Huwa premju personali imma warajh hemm it-tim kollu tal-UoM Futsal u n-nies kollha li huma qrib tiegħi. Grazzi tal-appoġġ tal-media għax huwa importanti li l-isport tal-futsal jibqa’ fil-fokus speċjalment għaż-żgħażagħ.
Iddeskrivi r-rwol preżenti tiegħek bħala player-coach tat-tim ta’ University of Malta Futsal.
Wara ħafna snin nilgħab futbol u futsal u nikkowċja f’xi nurseries lokali, fis-sajf li għadda rċevejt offerta biex insir kowċ.
Kont naf li din ma kinitx se tkun biċċa xogħol faċli u aċċettajt għax ridt ngħin lill-klabb u lil sħabi fit-tim.
Kif tqis il-livell tal-futsal Malti fil-preżent?
Il-futsal Malti mill-2010 ‘l hawn żviluppa ħafna iżda fl-opinjoni tiegħi hemm ħafna lok għal titjib.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
L-akbar problema hija n-nuqqas ta’ faċilitajiet indoor għat-taħriġ. Dan huwa ‘indoor sport’ li rridu nipprattikaw ġewwa. Sfortunatament, m’hemmx biżżejjed grawnds biex jonoraw il-bżonnijiet tal-klabbs kollha. L-uniku mod kif intejbu u niżviluppaw huwa taħriġ ta’ kwalità. Li l-klabbs kollha jkollhom kundizzjonijiet simili u li fil-kampjonat ikollna sfida b’saħħitha u ġusta. Naturalment, il-baġit finanzjarju huwa parti importanti fl-isport modern.
Il-futsal mhuwiex daqshekk popolari bħall-futbol u m’għandniex biżżejjed sponsors. Għadna biss nies li jħobbu din il-logħba u għandhom passjoni jinvestu fil-futsal u dan mhux biżżejjed biex ikollna erba’ u ħames timijiet b’baġit simili.
Il-logħob kollu tal-kampjonat jintlagħab fl-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS).
It-tim tiegħi għandu żewġ sessjonijiet fl-NSS iżda ħafna timijiet oħra m’għandhomx l-opportunità li jitħarrġu hemm.
X’taħseb dwar il-mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Jien involut fil-futbol u l-futsal bħala plejer u bħala kowċ fin-nursery. Hemm ħafna subien u bniet b’talent f’Malta u mort barra minn Malta magħhom u ksibna xi riżultati tajbin fl-età meta kienu żgħar Il-problema tibda meta jagħlqu l-14-il sena. Għalhekk, huwa meħtieġ programm ta’ kwalità ta’ taħriġ u stil ta’ ħajja ta’ kwalità
Faċilitajiet ta’ kowċing ta’ kwalità tajba, żgur jistgħu jkunu t-triq ‘il quddiem u t-titjib fl-isport u wara fil-ħajja għax dawn huma konnessi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futsal?
Nixtieq nibqa’ nilgħab ftit aktar imma definittivament nixtieq nibqa’ anke fil-futsal u anke fil-futbol, għax għalija dawn l-isports huma konnessi flimkien.
U f’età żgħira għandna ninvolvu plejers żgħażagħ fit-taħriġ tal-futsal u tal-futbol
Il-benefiċċji huma enormi, teknika ta’ ħsieb mgħaġġel ta’ ‘first-touch football’, flimkien ma’ benefiċċji enormi għall-futbol u l-futsal bl-istess mod.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futsal.
Dejjem nipprova nimmotiva lit-tfal kollha biex jilagħbu din il-logħba sabiħa. Ipprova ibda u żgur li se tieħu gost fil-logħba. Dan l-isport jista’ jikber ħafna aktar f’Malta sempliċement irridu naħdmu lkoll flimkien fl-iżvilupp u kompetizzjoni tajba u b’saħħitha
Irid ikollok dixxiplina, taħdem qatigħ u tkun iffukat fuq il-passjoni għall-isport b’nies ta’ kwalità madwarek. Dan jgħinek issir plejer tajjeb u persuna tajba.