Tuesday, February 25, 2025

Dixxiplina, Integritá u Rispett … il-bażi tal-karriera ta’ Miguel Spiteri bħala Goalkeeper u Awditur

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? U kif għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ eta żghira, fejn għamilt xi snin nesperimenta billi nilgħab kemm bħala goalkeeper kif ukoll bħala plejer. Iżda mal-ħin ħassejt konnessjoni u passjoni akbar lejn il-pożizzjoni ta’ goalkeeper. Ir-responsabbiltá  li nipproteġi l-lasta u li nkun l-aħħar linja tad-difiża, tatni ċerta passjoni u sodisfazzjon u mill-ġurnata li għażilt li nsir goalkeeper, qatt ma ħarist lura! 

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek fi Spanja. Kemm għenitek din l-esperjenza fil-karriera tiegħek?

L-esperjenza tiegħi ġo Spanja hi wahda li nibqa’ ngħożż għal ħajti kollha.  Ma kinitx biss esperjenza ta’ futbol, iżda esperjenza ħolistika fejn tgħallimt ngħix waħdi, insir persuna indipendenti u nitgħallem lingwa gdida. Minn hawn nirringrazzja lil ommi u lil missieri li mingħajr is-sagrifiċċji kbar li għamlu, din l-esperjenza ma kinitx tkun possibli.  Din l-esperjenza għallmitni fuq kollox id- dixxiplina, li kien valur strumentali li għeni wkoll fil-karriera professjonali tiegħi bħala accountant kwalifikat u awditur. Fuq livell kalċistiku, din l-esperjenza tatni l-opportunitá li nilgħab kontra timijiet u plejers mill-aqwa fosthom Real Madrid, Atletico Madrid, Valencia u ħafna iktar. Il-livell għoli ta’ kompetizzjoni li kont nesperjenza fit-taħriġ ta’ kuljum u fil-logħob ta’ kull ġimgħa għenitni nikber u nimmatura fil-logħba tiegħi u anke fil-ħajja personali. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala goalkeeper ta’ Sirens FC.

Bħalissa nagħmel parti mill-iskwadra ta’ Sirens FC u ninsab kuntent ħafna, kemm għaliex hemm struttura u kowċing staff professjonali kif ukoll minħabba li t-tim huwa magħmul minn grupp ta’ plejers li kollha ninsabu magħqudin flimkien. 

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

Sfortunatament, ninsabu fil play-out tal-BOV Challenge League, li mingħajr dubju, m’huwiex fejn nixtiequ nkunu, iżda l-għan tagħna huwa li nippruvaw dak kollu li nistgħu biex nirbħu l-logħbiet li fadal f’dan l-istaġun, kif ukoll fiċ-Challenge League Cup, biex intemmu l-istaġun bl-aktar mod pożittiv possibli. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna għal dan l-istagun huma li bla dubju nipprovaw nirbħu kull logħba li għandna quddiemna, kemm tal-BOV Challenge League kif ukoll taċ-Challenge League Cup biex nispiċċaw dan l-istaġun fuq l-aħjar nota possibli. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Jien konvint li sena wara sena il-futbol Malti qiegħed jiġi iktar u iktar kompetittiv kemm minħabba l-livell ta’ plejers, kif ukoll bil-livell ta’ kowċis li dejjem qegħdin javvanzaw fl-aspett tattiku u l-aspett ta’ professjonalitá lejn il-logħba. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Il-fatt li Malta huwa pajjiż żgħir, hawn nuqqas ta’ riżorsi meta kkomparat ma’ pajjiżi oħra. Ovvjament hemm raġunijiet oħrajn iktar validi li jagħmlu l-qabża bejn il-futbol Malti u l-futbol barra minn xtutna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

L-aħħar messaġġ tiegħi lejn dawk in-nies li jixtiequ jilagħbu l-futbol huwa dan:Il-futbol fih ħafna tlugħ u nżul, għalhekk trid verament tilgħab b’passjoni kbira u tkun dixxiplinat biex tasal fejn tixtieq u fl-aħħar mill-aħħar u l-iktar importanti li tieħu gost tilgħab u li tgħożż il-proċess. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport