Saturday, November 23, 2024

Diżabbli mħallsin inqas għall-“istess xogħol”

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Jaħdmu taħt l-istess saqaf. Jagħmlu prattikament l-istess xogħol. Grupp imħallas mod u persuna oħra għandha inqas. Ir-raġuni, għaliex hemm din id-differenza fil-paga ma ssibha imniżżla imkien. Jekk tistaqsi għaliex wieħed mill-ħaddiema għandu inqas paga, jgħidulek li xogħlu mhu eżatt bħal tal-ħaddiema l-oħra, għax għandu xi doveri neqsin. Jekk tistaqsi aktar, min iħaddmu jgħidlek li ‘anke responsabbilità għandu anqas mill-ħaddiema l-oħra”. Id-differenza bejn dawn il-ħaddiema u dak li jitħallas inqas hi li dan ikun persuna bi bżonnijiet speċjali.

Mill-istħarriġ li għamlet Inewsmalta jidher li sidien ta’ postijiet tax-xogħol meta tinġbidilhom l-attenzjoni spiss isemmu l-iskuża li l-fatt li qed iħaddmu persuni b’diżabilità, ifisser għal sid il-post tax-xogħol aktar spejjeż għax dawn il-persuni jkollhom bżonn aktar għajnuna fuq il-post tax-xogħol  u li dawn jiġu jiswewhom aktar flus.  Filfatt għandna sitwazzjoni fejn ħafna kumpaniji xorta qed jibqgħu jagħżlu li ma jħaddmux persuni b’diżabilità. Sfortunatament jidher li anke l-mentalità ta’ xi persuni b’diżabilità u l-ġenituri tagħhom, hi dik  li l-aktar impotanti hi li għandhom impjieg anke jekk imħallsin bil-minimu li toffri l-liġi meta sħabhom għal istess xogħol jaqilgħu aktar.  Ftit li xejn jidher li dawn huma konxji li din hi diskriminatorja u illegali.

“Inqas paga għal istess xogħol… ninqabeż fil-promozzjoni”

Inewsmalta fl-aħħar ġimgħat tkellmet b’mod kunfidenzjali ma’ diversi persuni b’diżabilità li jinsabu fid-dinja tax-xogħol u anke l-ġenituri tagħhom. Minħabba s-sensittività tal-każi tkellmu magħna bil-kundizzjoni tal-anonimità. 

Persuna b’diżabilità li taħdem f’xogħol elementari qalilna li “Ilni għal dawn l-aħħar snin naħdem. Grat lejn min qed iħaddimni. Stmat tajjeb ħafna. Bil-kemm ma ngħidlekx li forsi jistmani aktar mill-oħrajn f’sens li jaraw li ma jonqosni xejn.” Tistaqsieh dwar il-paga u jgħidlek li “għandi l-paga minima.” Meta tistaqsieh dwar sħabu l-ħaddiema jgħidlek li “sħabi li jagħmlu x-xogħol bħalisa għandhom aktar minni. Mhux xi ħafna imma f’xahar titla’ ftit sew. Qatt ma lmentajt”. Tistaqsieh għaliex qatt ma ħass li lmenta, jgħidilna li “meta tkellimt ma’ missieri, qalli mhux aħjar paga minima milli titkellem u tispiċċa barra”.

F’intervista qasira ma’ omm, li għandha bintha fis-suq tax-xogħol hi spjegat li taf li bintha ma’ tistax tagħti l-mija fil-mija.  Tgħidilna li taf li għandha limitazzjonijiet għalkemm is-sid jgħidilha li hu kuntent bix-xogħol tagħha u ta’ oħrajn bħalha. “Naf li mhux imħallsa daqs sħabha fuq ix-xogħol. Imħallsa skont il-liġi għax qed tingħata l-paga minima u ftit aktar.  Dejjem kont nibża li binti tispiċċa ma taħdem imkien. Inħossni sodisfatta li mħallsa skont il-liġi. Ikollok ftit rimors li inqas mill-oħrajn dak iva. Naħseb li kollox ma kollox, ix-xogħol serviha tajjeb ħafna”, tiddikjara l-omm.

Persuna oħra b’diżabilità fiżika u li taħdem f’post tax-xogħol partikolari, qaltilna li l-paga tagħha hi l-istess bħal ta’ sħabha. “Differenzi żgħar hemm, li juru li jien naqla inqas”, qalilna l-istess persuna. “L-aktar li jinkwetani fil-mument, aktar mill-ħlas, hu l-progress fil-karriera. Fejn tidħol promozzjoni jien dejjem ninqabeż. Applikajt dejjem għal intervisti li jsiru biex nitla skaluna oħra ‘l fuq, imma qatt ma tingħata lili.  Min ġie warajja qabiżni. Din iva tinkwetani”, sostna l-istess persuna. 

“Irridu nirrikonoxxu li hawn min hu sfruttat”

Għamilna kuntatt mal-avukata Cynthia Tomasuolo, li għandha għal qalbha  issues soċjali.  Fil-kumment tagħha qaltilna li “l-persentaġġ ta’ persuni b’diżabilità li huma tal-età li jaħdmu u li għandhom impjieg għadu wieħed pjuttost baxx minkejja li mal-medda tas-snin ttieħdu diversi miżuri sabiex aktar persuni b’diżabilità jidħlu fis-suq tax-xogħol, fosthom il-kwota obbligatorja għal impjieg kemm għas-settur pubbliku u anke għas-settur privat. Pero il-kwistjoni mhux biss kemm jiżdied in-numru ta’ ħaddiema bi bżonnijiet speċjali. Il-kwistjoni hija li dawn l-istess ħaddiema ma jkunux ttrattati għal kollox differenti. Irridu nirrikonoxxu il-fatt li għad hawn min qed jiġi sfruttat sfaċċatament!  U iva, irrispettivament mill‑kwalitajiet u l‑abbiltajiet diversi ta’ min huwa bi bżonnijiet speċjali, għad hawn min qed jitħallas inqas minn sħabu fl-istess impieg,  għas-sempliċi raġuni li huwa persuna b’diżabilità! Din hija diskriminatorja u llegali. Hija biss skuża li wieħed jgħid li persuna b’diżabilità qatt ma tista’ tagħti l-massimu ta’ mija fil-mija fuq il-post tax-xogħol, jew li persuna b’diżabilità ħa jkollha bżonn iżjed għajnuna fuq il-post tax-xogħol tiegħu jew tagħha u li l-persuni b’diżabilità se tiġi tiswa iżjed flus lil min iħaddem! Dawn huma biss skuża. Il-liġi hija ċara u tisħaq li persuni b’diżabilità għandhom ikollhom opportunità li jaqilgħu l-għejxien tagħhom permezz ta’ impjieg li jagħżlu huma, minn suq tax-xogħol li hu miftuħ, inklussiv u aċċessibli, fuq bażi ugwali ma’ l-oħrajn, għal kundizzjonijiet ġusti u favorevoli ta’ xogħol, inkluż opportunitajiet indaqs u ħlas indaqs għal xogħol ta l-istess valur.”   

“Biex inħaddmuh jiġina aktar flus mill-kollegi

Titkellem magħna omm, li spjegat li binha għandu diżabilità fiżika. Tgħidilna li l-fatt li qed jaħdem fix-xogħol li dejjem xtaq hi xi ħaġa pożittiva immens.  Tispjega li hi ġiet infurmata li l-paga se tkun inqas minn tal-kollegi.  Tgħidilna li lilha kienu spjegawlha li impjegat b’diżabilità jiġi jiswa iżjed.   Tgħidilna li temmen li hi xi ħaġa sabiħa li kulħadd jitħallas indaqs għall-istess xogħol li jagħmlu.

“Diskriminazzoni doppja”

Sorsi qrib il-qasam tax-xogħol, u li jsegwu mill-qrib dak li qed jgħaddu minnu persuni b’diżabilità qalulna li “minkejja l-miżuri li ttieħdu biex aktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol, għandna sitwazzjoni fejn dawn il-persuni qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja. Mhux biss hawn min qed jippreferi jħallas il-multi flok iħaddem persuni b’diżabilia, imma hawn min qed iħaddimhom u jħallashom anqas.  Diskriminazzjoni għax diffiċli aktar minn oħrajn biex ikollhom xogħol minħabba id-diżabilità tagħhom u  hemm minnhom li għalkemm isibu xogħol jitħallsu inqas.”

L-istess sorsi sostnew li “wasal il-mument lil pajjiż jagħmel pass ieħor. Nistudjaw sew dak li għaddej fil-pajjiż f’dan il-qasam. Nemmnu ukoll li għandhom tkun obbligatorja li min qed iħaddem lil persuni b’diżabilità jibda jgħaddi lill-awtoritajiet il-ħlasijiet tal-pagi li qed jagħti lil ħaddiema b’diżabilità flimkien ma’ dawk ta’ sħabhom fl-istess xogħol.”

L-istess sorsi qalulna li “wieħed diffiċli jgħid b’mod preċiż kemm qed jitħallsu inqas minn sħabhom fuq xi postijiet tax-xogħol. Għalhekk hemm bżonn analiżi tas-sitwazzjoni. Biss minn dak li għandna f’idejna, hemm differenza ta’ bejn 10 u 15 fil-mija fil-paga.  Din hi inugwaljanza li rridu nitrattawha. Il-pandemija kompliet kabbret il-ferità.”

L-ammont ta’ persuni b’diżabilità li qegħdin fid-dinja tax-xogħol

Ninsabu informati infurmata li l-ammont ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fis-suq tax-xogħol kompla jiżdied sew fl-aħħar snin tant li issa għandna kważi 4,000 persuna.

Filfatt fis-sena 2015 kien hemm 2,318 persuni b’diżabilit̀a fis-suq tax-xogħol, fis-sena 2016 telgħu ghħal 2,850, fis-sena 2017 żdiedu gġal 3,499, waqt li fis-sena 2018 kien hemm 3,578 persuna.  Fis-sena 2019, kompliet ix-xejra fiż-żieda biex kien hemm 3,894 persuna b’diżabilità fis-suq tax-xogħol. 

Il-Ministeru jħeġġeġ lill-persuni diskriminati jirrappurtaw mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali

Quddiem dak li għaddej fis-suq tax-xogħol, Inewsmalta irreferiet dak li għaddej lill-Ministeru għall-Edukazzjoni li taħtu jaqa’ id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali. Għal dak investigat minna l-Ministeru qalilna li “diversi kumpaniji użaw is-servizzi u l-iskemi ta’ Jobsplus jew tal-Lino Spiteri Foundation qabel u matul il-perjodu ta’ ngaġġ tal-persuni b’diżabilitża.  Jobsplus kif ukoll il-Lino Spiteri Foundation jassiguraw li ma’ tinkiser l-ebda liġi fil-konfront tal-persuni b’diżabilità.  Persuni b’diżabilità li jħossu li qed jiġu ddiskriminati jistgħu jissottomettu lment mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.”

Tkellimna mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u staqsejnihom kemm kien hemm kumpaniji li ttieħdu passi kontrihom għax instabu li ma kinux qed iħaddmu persuni b’diżabilità minkejja li għandhom aktar minn 20 impjegat magħhom?  Staqsejnihom jekk jarawx li f’dan il-qasam jidher li hemm nuqqas ta’ infurzar.

Il-Ministeru, dwar dan qalilna li “l-kumpaniji li ma jħaddmux persuni b’diżabilità qed iħallsu l-kontribuzzjoni finanzjarja kif mitlub bil-Liġi.  Għaldaqstant, l-infurzar qed isir kif tippermetti l-Liġi.”

“Jekk persuna tibża’ titkellem il-ġustizzja ma ssirx”

Inewsmalta tkellmet maċ-Ċermen tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna. Meta tkellimna miegħu dwar dak li għaddej fis-suq tax-xogħol, qalilna li “nista’ nikkonferma li kellna każ mal-Gvern u lil dan imbagħad tellgħawlu l-iskala. Aħna f’każi bħal dawn nidħlu u ninvestigaw. Il-ġustizzja ma ssirx billi tibqa’ bilqiegħda.   L-importanti li jekk hemm dawn it-tip ta’ affarijiet qed iseħħu, aħna bħala kummissjoni inkunu ikkuntattjati u ninvestigaw biex tittieħed azzjoni. Jekk persuna tibża’ titkellem il-ġustizzja ma ssirx”, qalilna Scicluna. 

Sport