Wednesday, October 22, 2025

Diżappunt u rabja għas-serqa mil-Louvre

Aqra wkoll

Is-serqa “faċli u spettakolari” ta’ ġojjellerija nhar il-Ħadd li għadda mill-Louvre f’Pariġi – il-mużew Franċiż magħruf mad-dinja kollha – ħalliet lill-pajjiż b’immaġni terribbli tant li l-Ministru tal-Ġustizzja Franċiż ammetta li l-protokolli tas-sigurtà “fallew” milli jipprevjenu milli sseħħ din is-serqa.

Il-Ħadd li għadda, ħallelin b’għodda tal-elettriku daħlu fid-dawl tax-xemx f’dan il-mużew u serqu tmien oġġetti deskritti bħala ta’ valur imprezzabbli, qabel ma ħarbu fuq scooters. Hemm biża’ kbir li, sakemm il-ħallelin ma jinqabdux malajr, l-oġġetti imprezzabbli, inkluż ġiżirana tad-djamanti u żmeraldi li l-Imperatur Napuljun ta lil martu, jiġu żarmati u maħruġa bil-kuntrabandu ’l barra mill-pajjiż.

Il-midja Franċiża rrapportat li valutazzjoni preliminari mill-Qorti tal-Awdituri (li għandha tiġi ppubblikata f’Novembru) sabet li terz tal-kmamar fiż-żona fejn seħħet is-serqa m’għandhomx kameras ta’ sorveljanza.

“Dak li hu ċert hu li s-sistema tas-sigurtà falliet billi tħalla trakk tal-għamara jipparkja fil-qalba tal-post ħdejn il-mużew,” qal il-Ministru tal-Ġustizzja Gérald Darmanin lir-radju France Inter. Huwa żied jgħid li kien ċert li l-pulizija eventwalment kien se jirnexxielha taqbad u tarresta lill-ħallelin.

Iżda l-kap ta’ organizzazzjoni speċjalizzata fil-lokalizzazzjoni u l-irkupru ta’ xogħlijiet tal-arti misruqa wissa li jekk il-ħallelin ma jinqabdux fis-sigħat li ġejjin, il-ġojjellerija misruqa x’aktarx li ma jiġux irkuprati. Il-Kuruni u dijademi li nsterqu fis-serqa jistgħu faċilment jitkissru u jinbiegħu f’biċċiet żgħar.

Fis-serqa kienu involuti erba’ ħallelin li kienu lebsin maskri u li użaw trakk mgħammar b’lift mekkaniku biex jidħlu fil-Galerie d’Apollon (Gallerija ta’ Apollo) permezz ta’ gallarija qrib ix-Xmara Seine.

Ritratti mix-xena wrew sellum fuq vettura li jwassal għal tieqa fl-ewwel sular. Tnejn mill-ħallelin qatgħu l-ħġieġ b’diska li taħdem bil-batterija u daħlu fil-mużew u allegatament heddew lill-gwardji biex jitilqu minn fejn kienu. 

Qabel ħarbu, il-ħallelin ppruvaw jagħtu n-nar lill-vettura tagħhom li kienet barra iżda ġew imwaqqfa wara li l-interventt ta’ membru tal-istaff tal-mużew.

B’kollox il-ħallelin serqu tmien ġojjelli, inkluża ġiżirana b’żmeraldi u djamanti li Napuljun ta lil martu, l-Imperatriċi Marie Louise.

Insterqet ukoll diadema (faxxa tax-xagħar imżejna bil-ġojjelli) li darba kienet tal-Imperatriċi Eugénie – mart Napuljun III – li fiha kważi 2,000 djamant kif wkoll ġiżirana li darba kienet ta’ Marie-Amelie, l-aħħar reġina ta’ Franza, li fiha tmien żaffiri u 631 djamant.

Is-serqa kollha intemmet f’madwar tmien minuti biss.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport