Il-kwistjoni dwar id-divjet ta’ dibattiti diretti imposti mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista bejn il-kontestanti għat-tmexxija ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, kariga li qiegħda tkun kontestata bejn Dr Adrian Delia u Dr Alex Borg, wasslet biex l-avukat u l-opinjonista Louise Anne Pulis iddikjarat li “l-proċess għandu jkun miftuħ, trasparenti, ugwali għat-tnejn, dibattut u san! Kull nuqqas, anke jekk huwa riżultat ta’ regolamenti strinġenti, ikun ifisser diżrispett totali lejn it-tesserati, lejn il-partit u lejn il-poplu!”.
Meta kkummentat dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Partit Nazzjonalista hi ddikjarat li “l-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej minn proċess għall-għażla tal-kap. L-għażla ta’ kap hija relevanti mhux biss għall-partit imma anke għall-pajjiż. U allura l-mistoqsija naturali hi xi jrid il-Partit Nazzjonalista? Jibqa’ ġo ‘echo-chamber’ jippriedka lill-konvertiti jew li jinkoraġġixxi d-diskusssjoni u d-dibattiti biex iqajjem l-interess fil-poplu in ġenerali? Iż-żewġ kandidati għandhom il-merti tagħhom – imma bid-divjet tad-dibattiti qiegħed juri li ma jafdahomx? Jaħseb li mhux kapaċi jieħdu sehem f’diskussjoni ċivili meta t-tnejn li huma suppost għandhom għal qalbhom l-aħjar interess tal-partit u tal-pajjiż?”
Dr Louise Anne Pulis qalet li “billi jipprojbixxi intervisti ma’ gazzetti ikunu min ikunu, qiegħed iwassal messaġġ li l-Oppożizzjoni, bħall-gvern, qed tbati minn mentalità ta’ assedju. Dan mhuwiex ix-xogħol ta’ Oppożizzjoni b’saħħitha! Oppożizzjoni b’saħħitha m’għandha qatt tibża’ la minn mistoqsijiet anke jekk skomdi, la minn attakki u wisq anqas m’ għandha tibża’ twassal il-messaġġ tagħha!”.
Saħqet li “t-tesserati huma dawk li finalment jagħmlu għażla għall-kap. Kif tridhom it-tesserati jagħmlu għażla tajba u informata bla dibattiti u bla tweġibiet għal kwalunkwe mistoqsija?! Dan mhuwiex xi konkors tas-sbuħija, imma elezzjoni għal Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru prospettiv. Ħadd ma hu akbar mill-Partit u għalhekk il-proċess għandu jkun miftuħ, trasparenti, ugwali għat-tnejn, dibattut u san! Kull nuqqas, anke jekk huwa riżultat ta’ regolamenti strinġenti, ikun ifisser diżrispett totali lejn it-tesserati, lejn il-partit u lejn il-poplu!”.
Ta’ min jgħid li oriġinarjament meta ġew stabbiliti r-regoli mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista, kien ġie deċiż li kemm Alex Borg kif ukoll Adrian Delia jitħallew jaċċettaw intervisti minn kmamar tal-aħbarijiet oħra, minbarra tan-NET, ladarba jkun għaddej il-proċess intern tad-due diligence, iżda l-parteċipazzjoni se tkun soġġetta għal-linji gwidi mill-aktar estremi, fosthom li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħti permess minn qabel għal intervisti ma’ Delia u Borg li jkunu se jsiru fuq pjattaformi tal-midja indipendenti.
Kien intqal li Delia u Borg mhux se jitħallew jaċċettaw intervisti fuq pjattaformi tal-midja oħra, li l-Partit Nazzjonalista ma japprovax u ma jista’ jsir ebda dibattitu bejn Borg u Delia. Dan filwaqt li l-kandidat għandu jinforma immedjament lill-Kummissjoni Elettorali tal-partit u lis-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Charles Bonello. Kien intala li la Borg u lanqas Delia ma jistgħu jirreferu għal xulxin, u saħansitra lanqas il-preżentatur ma jista’ jagħmel xi referenza għall-kandidat prospettiv l-ieħor.