DJ Taljan li jgħix Malta kien ikkundannat sentenza sospiża wara li ammetta li mess tfajla ta’ 17-il sena b’mod inċidenti.
Giovanni Trio ta’ 21 sena kien mixli li wettaq ir-reat nhar it-Tlieta filgħodu f’Paceville.
Huwa kien mixli li ssoġġetta lit-tfajla għal imġiba li għandha konnotazzjonijiet sesswali, li ħebb għaliha, taha qatgħa u mbottaha u li kiser il-paċi pubblika.
Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, l-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati, l-ammissjoni tiegħu fi stadju bikri tal-proċeduri u l-fedina penali netta tiegħu.
Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, ikkundannatu piena ta’ disa’ xhur priġunerija sospiżi għal sentejn. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni għall-perjodu ta’ sentejn.
Finalment, il-Qorti poġġiet lill-imputat taħt ordni ta’ trażżin għal sentejn biex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jean Paul Attard.