Bħala lettur fl-Istorja u Kultura Ċiniża, ġejt mistieden biex nattendi l-Laqgħa Ministerjali dwar Djalogu bejn Ċivilizzazzjonijiet Dinjin li saret f’Beijing nhar l-10 u l-11 ta’ Lulju. Din il-laqgħa tagħmel parti mill-Inizjattiva għaċ-Ċivilizzazzjonijiet Dinjin (Global Civilisations Initiative) li kienet ġiet proposta mill-President Ċiniż, Xi Jinping fl-2023. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li jtejjeb id-djalogu, il-ftehim u r-relazzjonijiet bejn pajjiżi differenti madwar id-dinja, speċjalment fiż-żminijiet imqallba li ngħixu fihom.

Qabel din il-laqgħa ħadt sehem ukoll f’numru ta’ żjarat flimkien ma’ delegati minn 22 pajjiż ieħor fil-provinċja ta’ Fujian, fix-Xlokk taċ-Ċina. Hemmhekk kelli l-opportunità li nżur il-belt sabiħa ta’ Quanzhou, il-kapitali tal-provinċja Fuzhou u l-belt kollha ħdura ta’ Xiamen, magħrufa għall-Università u għall-ikel tagħha tal-baħar.
Quanzhou hija belt li dejjem xtaqt inżur. Insemmiha ħafna matul il-lectures tiegħi imma qatt ma kelli l-opportunità li nżurha. Matul id-dinastiji Tang, Song u Yuan bejn is-7 u l-14-il seklu, waqt li l-Ewropa kienet imwaħħla kulturalment fil-Medju Evu, f’dan il-port kożmopolitan kienu jgħixu komunitajiet kbar ta’ negozjanti u ambaxxaturi mill-Mediterran, il-Lvant Nofsani kif ukoll mill-Asja Ċentrali, tax-Xlokk u tan-Nofsinhar.

Fil-mużew tassew uniku ta’ Quanzhou, stajt nara b’għajnejja stess il-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ dawn il-komunitajiet, fosthom lapidi minquxin bi slaleb Insara, partijiet minn oqbra Iżlamiċi u fdalijiet ta’ tempji Buddisti, Manikej u Daoisti. Rajt ukoll mudelli ta’ xwieni antiki li kienu jużaw il-baħħara Ċiniżi mijiet ta’ snin ilu sabiex ibaħħru fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar kif ukoll l-Oċean Indjan. Quanzhou hija magħrufa wkoll għall-industrija tal-moda. Hemmhekk kelli ċ-ċans li napprezza din l-industrija matul iċ-ċelebrazzjoni sabiħa tal-Huafu li ġiet organizzata għalina fil-Hotel Hilton.
Minn Quanzhou, iddum madwar siegħa biss bil-bus biex tasal Xiamen. Fiż-żmien kolonjali kienet magħrufa min-nies tal-Punent bħala Amoy. Din hija belt li kont diġà żort meta kont parti minn delegazzjoni tal-Università ta’Malta 13-il sena ilu, wara li kont ksibt l-ewwel kwalifika tiegħi fil-lingwa u kultura Ċiniża fl-Istitut Lokali ta’ Confucius. Peress li dan l-istitut kien twaqqaf bl-għajnuna tal-Università ta’ Xiamen fl-2009, ħassejtni marbut b’mod speċjali ma’ dan il-post.

Tlettax-il sena wara, innutajt kemm kienet saret moderna din l-università, filwaqt li kienet għadha tinsab f’post tassew sabiħ u kwiet bejn l-għoljiet ta’ mal-kosta tal-provinċja ta’ Fujian u l-baħar. L-iktar li impressjonani kien kemm il-kampus tal-Università jgawdi minn ħdura u spazji kbar, b’parks il-ġmiel tagħhom mimlijin siġar, funtani u fjuri kif ukoll ċentri sportivi, dormitorji, canteens u klassijiet għall-lectures. Urewna wkoll proġett ta’ riabilitazzjoni ambjentali f’waħda mill-għadajjar ta’ Xiamen li sa ftit tas-snin ilu kienet imniġġża sew, imma li issa tnaddfet minn dan it-tniġġiż. Fl-Għadira ta’ Yundang issa jgħixu mijiet ta’ irsieset u tajr ieħor selvaġġ f’riserva natural unika f’din il-belt. Post ieħor uniku, ftit ’il barra mix-xatt ta’ Xiamen, huwa l-gżira ta’ Gulangyu, magħrufa għall-mużew tagħha tal-pjanijiet u l-bini partikolari kolonjali mibni fit-tmiem tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20.

Minn Xiamen qbadna tren modern u puntwali high speed biex immorru Fuzhou li hija l-kapitali tal-provinċja ta’ Fujian. Hemmhekk żorna iċ-Ċentru tad-Disinn u Ippjanar Strateġiku tal-belt. Dan huwa l-post minn fejn l-awtoritajiet ta’ Fujian ilhom jippjanaw l-iżvilupp urban tal-belt għal dawn l-aħħar għoxrin sena filwaqt li jieħdu ħsieb tal-kwalità tal-arja u tal-ambjent. Fuzhou hija tassew belt sabiħa u ħadra. Fil-Punent ġieli naħsbu li l-bliet Ċiniżi huma kollha mniġġżin u mimlijin bini u żvilupp żejjed imma dan żgur li mhux il-każ ta’ Fuzhou. Nemmen li din il-belt sabiħa tista’ tikkompeti b’mod tajjeb ħafna ma’ kull belt kbira Ewropea fl-oqsma tat-tħaddir u tal-ħarsien ambjentali.
Fil-qalba tal-belt ta’ Fuzhou, żorna wkoll iċ-ċentru storiku li nbena l-iktar matul id-dinastija Qing, l-aħħar dinastija imperjali taċ-Ċina. Il-bini tal-injam tas-seklu 19 jinkludi djar komuni fejn kienu jgħixu r-residenti, tempji u spazji fejn kienu jittellgħu l-ispettakli tal-opra Ċiniża, mibnijin fi stil arkitettoniku tipiku Ċiniż. Dan ġie konservat b’mod metikoluż biex ikun jista’ jiġi apprezzat minn ġenerazzjonijiet futuri. Iktar tard dakinhar, l-awtoritajiet tal-provinċja ta’ Fujian stidnuna għal ċena uffiċjali qabel ma tlaqna għall-aħħar parti taż-żjara tiegħi f’Beijing.

Wara li wasalt Beijing, kelli l-unur li niltaqa’ mal-viċi-president taċ-China Network for International Exchange, is-Sur Li Jun. Huwa kellimna b’mod dettaljat dwar il-ħidma importanti li tagħmel din in-network biex tiffaċilita l-iskambji bejn in-nies miċ-Ċina u pajjiżi oħra. Min-naħa tagħna, aħna tajna l-feedback tagħna dwar kif skambji internazzjonali jistgħu jintużaw f’kuntesti differenti (per eżempju: akkademiċi, soċjetà ċivili, programmi taż-żgħażagħ) biex popli differenti minn madwar id-dinja jifhmu aħjar lil xulxin. Fl-intervent tiegħi, sħaqt dwar l-importanza tar-rispett reċiproku bejn pajjiżi differenti, kemm jekk kbar u kemm jekk żgħar. Bħala eżempju ta’ dan semmejt ir-rispett li ċ-Ċina dejjem uriet lejn Malta sa minn meta nfetħu r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi iktar minn 50 sena ilu.
Il-qofol taż-żjara tiegħi fiċ-Ċina kienu l-Laqgħa Ministerjali dwar id-Djalogu bejn Ċivilizzazzjonijiet differenti u l-forum dwar skambji u tagħlim reċiproku bejn ċivilizzazzjonijiet differenti li ttella’ b’mod parallel ma’ din il-laqgħa. Dawn inżammu fl-10 u fil-11 ta’ Lulju rispettivament. Waqt dawn iż-żewġ laqgħat, kelliema magħrufin mid-dinja kollha iddiskutew ideat differenti kif jistgħu jitmexxew ’il-quddiem id-djalogu bejn kulturi differenti: permezz tal-isports, inizzjattivi edukattivi, attivitajiet xjentifiċi, l-arti, soċjetà ċivili, skambji bejn iż-żgħażagħ u aspetti oħra.
Dawn kienu jinkludu lil Yves Leterme, ex-prim ministru tal-Belġju, Bora Mutanovic, plejer u kowċ leġġendarju tal-futbol ta’ diversi timijiet nazzjonali, Yang Liwei, wieħed mid-disinjaturi ewlenin tal-Programm Ċiniż li jtella’ l-astronawti fl-Ispazju u Nawel El Moutawakel, champion olimpiku tal-atletika u viċi-president tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Kienet tassew esperjenza inkredibbli li nieħu sehem f’attività internazzjonali bħal din, flimkien ma’ iktar minn 200 rappreżentant minn iktar minn 120 pajjiż minn madwar id-dinja.
Waqt li kont Beijing, esperjenzajt ukoll l-aħħar innovazzjonijiet teknoloġiċi fl-industriji tal-Intelliġenza Artifiċjali u tal-vetturi elettriċi, żewġ oqsma li qed jikbru b’mod mgħaġġel ħafna fiċ-Ċina. Kumpaniji bħal Xiaomi diġà jipproduċu l-vetturi elettriċi tagħhom billi jużaw robots avvanzati kważi f’kull stadju tal-produzzjoni. Vetturi li jsuqu waħidhom (self driving cars, taxis u buses) qegħdin isiru dejjem iktar komuni fi bliet kbar bħal Beijing. Ġa tista’ tordna l-ikel u jġibulek robot fil-lukanda, biex b’hekk ġa nistgħu naraw kif se jkun il-ġejjieni ta’ ftit snin oħra.
Iżda sabiex dawn it-teknoloġiji jkunu aċċessibbli għal kulħadd, l-ewwel irid ikollna ekonomiji u soċjetajiet li jkunu mibnijin fuq il-paċi u l-prosperità. L-għan tal-Inizzjattiva għaċ-Ċivilizzazzjonijiet Dinjin huwa wieħed nobbli u importanti fid-dinja tal-llum. Pajjiżi bħal Malta u ċ-Ċina, minkejja d-differenzi kbar fid-daqs, fil-popolazzjoni u fil-kultura ta’ bejniethom, ġa bdew juruna kif dan jista’ jseħħ permezz tar-relazzjonijiet eċċellenti ta’ bejniethom kif ukoll permezz tal-impenn tagħhom għall-paċi u l-istabbilità fid-dinja. Żgur li d-djalogu bejn kulturi differenti huwa essenzjali sabiex jintlaħaq dan l-għan.