Sunday, November 24, 2024

DMIRNA LI NGĦINUHOM JITBISSMU SAL-AĦĦAR

Aqra wkoll

L-uġigħ huwa xi ħaġa li ħadd m’għandu kontroll fuqu. Huwa fatt magħruf li aktar kemm nikbru aktar tonqos il-mobbiltà tagħna u sfortunatament dawk li jagħżlu li jieqfu jiġġieldu x-xjuħija huma l-aktar li jbatu. M’aħniex ngħidu li dejjem tort tal-individwi. Jiġuna f’moħħna anzjani f’residenzi li għax m’għandhomx ulied, jew għax m’għandhomx qraba li jżuruhom jispiċċaw mingħajr sostenn.

Fost dawn saħansitra hemm dawk li tant rabbew bi mħabba meta kienu jifilħu, anke jekk ma kinux demmhom, spiċċaw ħallewhom mdendlin ma’ ħabel li mhux kapaċi jitilgħu waħidhom. F’dawn is-sitwazzjonijiet koroh li huma realtajiet li jeżistu f’residenzi tal-anzjani, il-gvern jidher li qed jiċċaqlaq biex jagħmel tajjeb iżda baqa’ ħafna xi jsir.

L-għan ewlieni tagħna għandu jkun li nittrasformaw is-soċjetà tal-anzjani minn waħda ta’ dipendenza għal waħda ta’ anzjanità attiva, sabiex tingħata indipendenza u dinjità f’dan l-istadju tal-ħajja ta’ individwi li jħossu għafsa ta’ qalb għax saħħithom tkun qabdet tbatti u jkunu jixtiequ jagħmlu aktar. Iżjed ma jkunu indipendenti u b’saħħithom l-anzjani tagħna inqas ikollna pressjoni fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna. 

Nemmnu li waħda mis-soluzzjonijiet għandu jkun l-eżerċizzju fiżiku. Attivitajiet fiżiċi regolari għandhom ħafna benefiċċji minħabba li hekk kif nikbru, il-mobilità ssir sfida, speċjalment għal dawk li jintelqu. Ir-riċerka turi li l-eżerċizzji jgħinu biex inaqqsu r-riskju ta’ waqgħat, immunità aktar b’saħħitha u sistema diġestiva imtejba, pressjoni tad-demm u densità tal-għadam aħjar, kif ukoll riskju aktar baxx ta’ mard bħad-dimensja, id-dijabete, l-obeżità, il-mard tal-qalb, l-osteoporożi, u ċerti tipi ta’ kanċer. Dan jgħin ukoll lill-muskoli jissaħħu sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum mingħajr ma jsiru dipendenti fuq ħaddieħor.

Ninnutaw b’sodisfazzjon l-investiment f’numru ta’ outdoor gyms fi djar tal-anzjani f’diversi lokalitajiet. Dan huwa pass importanti li ta’ min jirrikonoxxih. Iżda baqa’ xi jsir. M’għandniex nistrieħu fuq il-kisbiet iżda nħarsu ’l quddiem biex naraw x’baqa’ xi jsir. L-eżerċizzju fiżiku huwa importanti ħafna, iżda mentalment għad għandna anzjani demotivati u li jinsabu mgħarrqin fi ħsibijiet ta’ solitudni. Titkellem ma’ anzjani li jgħidulek “jien m’għandi lil ħadd. M’inix ngħid li ma jiħdux ħsiebna, anzi ninsabu komdi. Imma barra insejtu. Nixtieq kieku għandi min joħodni niekol xi darba. Jew forsi xi daqsxejn għall-kwiet fejn il-baħar. Anke sal-Buskett nieħu pjaċir kieku, ilni snin ma mmur ‘l hemm”. Ftit mill-ħafna karbiet ta’ anzjani li qed jitkissru fuq it-tama li minkejja problemi li forsi għandhom, jibqgħu jibku postijiet li kienu jħobbu meta kienu għadhom indipendenti. 

Jeħtieġ li l-carers ikunu inċentivati biex jieħdu iżjed inizjattivi u mhux jitgħabbew b’biża’ li bl-inizjattiva tagħhom jistgħu jispiċċaw fl-inkwiet għax m’għandhomx l-għodod kollha meħtieġa fil-qadi ta’ dmirijiethom. Nemmnu li b’aktar ħsieb, dan u ħafna aktar jista’ jgħin biex l-anzjani tagħna mhux biss jibqgħu attivi, iżda jkunu wkoll aktar kuntenti. Bħalma l-awtur ifittex li jħalli impatt fuq il-qarrejja fl-aħħar paġni tal-ktieb tiegħu, nemmnu li l-istess għandhom jagħmlu l-awtoritajiet biex dawn l-anzjani tagħna jibqgħu bit-tbissima fuq fommhom sal-aħħar.

Sport