“Fl-aħħar snin naħseb li kien hawn bidla pożittiva fejn jidħol preġudizzju u stigma. Ovvjament wieħed jista’ jifhem minn fejn ikun ġej dan kollu u ma nlum lil ħadd.
Però wara dawn is-snin nagħmel dan ix-xogħol, nemmen li ħadd ma jista’ jgħid b’ċertezza li qatt mhu ħa jkollu lil xi ħadd viċin tiegħu li jsib ruħu l-ħabs. Bla dubju stajna wkoll konna aħna stess kieku ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjitna kienu bħal ta’ wħud li jinsabu hemm. Nemmen li d-dmir tagħna bħala soċjetà hu li nibqgħu nagħtu opportunitajiet lil dawn il-persuni biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom u jkollhom futur aħjar, mhux biss għalihom u għall-familji tagħhom iżda għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha.” Iddikjarat dan Charlene Calleja, Kap tal-Operat tal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, f’intervista ma’ dan il-ġurnal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-fondazzjoni.
Calleja bdiet billi qalet li hija ilha involuta f’’Mid-Dlam għad-Dawl’ għal 18-il sena fejn okkupat diversi rwoli f’dawn is-snin però kien f’Settembru li għadda li bdiet tokkupa l-irwol bħala Kap tal-Operat. Dan l-irwol hu wieħed wiesa’ u varjat ħafna fejn jeħtieġ li jkollok il-polz fuq dak kollu li jkun għaddej, trid tkun hands-on, fejn apparti li nara li s-servizzi kollha qed jimxu skont il-missjoni u l-pjan strateġiku tal-organizzazzjoni, il-ħin kollu trid tara x’titjib jista’ jsir biex is-servizzi jkunu aktar effiċjenti u kif ukoll sostenibbli.
“L-irwol tiegħi jinkorpora fih ukoll l-aspett aministrattiv u finanzjarju, għalhekk kif għedtlek qabel, hu rwol impenjattiv ħafna għax jinvolvi dak kollu li jirrigwarda l-organizzazzjoni u s-servizzi kollha li jiġu offruti, mill-bidu meta tinbet l-idea ta’ proġett jew programm sad-‘delivery’ u r-‘running’ tiegħu,” qalet Calleja.
X’sehem għandha din il-Fondazzjoni fis-soċjetà Maltija?
“Nemmen li l-Fondazzjoni għandha sehem important ħafna fis-soċjetà Maltija għaliex sa mill-bidu tagħha, tletin sena ilu fejn bdiet propja minn persuni li kienu l-ħabs, bħala ‘self-help group’, l-għan dejjem kien li tkun ta’ spalla sabiex persuni li qegħdin il-ħabs jew kienu l-ħabs isibu appoġġ biex ikunu jistgħu itejbu s-sitwazzjoni tagħhom. Illum il-ġurnata, is-sehem ta’ Mid-Dlam għad-Dawl hu wieħed iktar mifrux u jolqot diversi ħtiġijiet ta’ persuni li b’xi mod jew ieħor ġew f’kuntatt mal-ħabs. Nemmen li hu sehem uniku għax it-tip ta’ assistenza li toffri, hi waħda speċjalizzata u ffukata fuq il-ħtiġijiet individwali tal-persuni li naħdmu magħhom. Dawk kollha li jirrikorru għas-servizzi tagħna jafu li huma min huma u għamlu x’għamlu ħa jsibu għajnuna biex itejbu lilhom infushom, għajnuna li tingħata mingħajr preġudizzju.”
Fiex tikkonsisiti l-ħidma tagħkom kemm mal-prigunieri kif ukoll mal-qraba tagħhom?
“Kif għidt aktar qabel, illum il-ġurnata l-ħidma hi waħda mifruxa sew. Sa mill-bidu nett u hekk għadha tagħmel sal-lum, Mid-Dlam għad-Dawl tagħmel żjajjar fil-ħabs fejn niltaqgħu, nitkellmu imma fuq kollox nisimgħu l-esperjenzi tal-persuni li qegħdin il-ħabs. Minn hemm titgħallem ħafna, tifhem aħjar il-kuntest tal-qasam tax-xogħol li nagħmlu u tibni rapport ta’ fiduċja mal-persuni. Matul is-snin, is-servizzi nfirxu, sabiex illum jinkludu programmi residenzjali, servizzi mmirati għall-familji tal-priġunieri u servizzi komunitarji. Bħala programmi residenzjali noffru programm ta’ rijintegrazzjoni fis-soċjetà għal persuni li jkunu waslu fl-aħħar sena/sentejn tas-sentenza tagħhom. L-għan tal-programm, Dar Bla Ħitan, li hu bbażat fil-qalba tal-komunita’, hu li jiffaċilita t-tranżizzjoni tal-persuni mill-ħabs għall-komunita’. Biex dan iseħħ ikun hemm bżonn ta’ ħidma intensiva fuq livelli differenti bħalma huwa l-aspett strutturali, dak soċjali u kif ukoll dak personali.
Servizz residenzjali ieħor li noffru huwa dak imsejjaħ Supported Transitional Accommodation fejn noffru kenn u assistenza speċjalizzata lil persuni li jkunu bla saqaf meta joħorġu mill-ħabs. Is-servizz hu wieħed intensiv għax kif wieħed jista’ jimmaġina, l-bżonnijiet tal-persuni li naħdmu magħhom huma varji u kumplessi. Fl-aħħar snin, Mid-Dlam għad-Dawl kienet ukoll pijuniera f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi għall-familji ta’ persuni li qegħdin il-ħabs. Is-servizz Locked Out li issa ilu għaddej iktar minn tliet snin, hu servizz ta’ terapija tal-familja għal persuni li jinsabu fil-ħabs u l-qraba tagħhom. Ir-riċerka turi li iktar ma’ persuna jkollu rabtiet b’saħħithom fis-soċjeta’, partikolarment dawk mal-familja, inqas huma ċ-chances li persuna terġa’ tirrikkorri għall-kriminalita’. L-għan ta’ dawn is-servizzi huwa t-tisħiħ tar-relazzjonijiet fejn jiġi megħjun mhux biss l-indvidwu imma wkoll il-familja li ħafna drabi jkunu qed ibatu fis-skiet.
Servizz ieħor għal qalbna ħafna huwa s-servizz ta’ visti tal-familja mmirat għat-tfal. Permezz ta’ dan is-servizz, Jien u Int, it-tfal għandhom l-opportunità jiltaqgħu mal-ġenitur tagħhom, f’ambjent sabiħ u addattat, ’il bogħod mill-ħabs. Il-vista tkun waħda informali ħafna fejn l-ulied verament jistgħu jgħaddu siegħa ħin ta’ kwalità mal-ġenitur. Apparti dawn li semmejt, Mid-Dlam għad-Dawl, permezz tad-drop-in centre, toffri assistenza speċjalizzata marbuta ma’ aftercare u sapport komunitarju.”
Kemm hu diffiċli għall-priġunier li jkun għadu ħiereġ mill-ħabs biex jirrintegra ruħu fis-socjetà u intom bħala Fondazzjoni x’għajnuna toffrulu?
“Kif għidt qabel, għalkemm ma tistax tiġġeneralizza għax kull individwu huwa differenti, għandek numru sostanzjali ta’ persuni li għalihom ir-rijintegrazzjoni fis-soċjeta tkun diffiċli ħafna, forsi wkoll għax uħud minnhom, tista’ tgħid qatt ma kienu integrati fis-soċjetà. It-tip ta’ għajnuna tvarja minn persuna għall-oħra. Il-bżonnijiet huma varji, għandek l-aspett prattiku bħalma huma għajnuna biex wieħed ikun jista’ jaċċessa servizzi fil-komunità, għajnuna fejn jidħol xogħol, post fejn joqogħdu.
Għandek l-aspett soċjali fejn naraw element qawwi ta’ solitudni u l-bżonn ta’ support networks madwar il-persuna. Ikun hemm diffikultajiet oħra bħalma huma sfidi ta’ saħħa mentali, jew patterns negattivi ta’ kif wieħed jaħseb dwaru nnifsu jew dwar ħaddieħor. Dan kollu jirrikjedi tip ta’ assistenza li tkun iffukkata u tailor-made, pjan komprensiv li jindirizza dan kollu.
Is-servizzi li semmejt aktar ‘l fuq għandhom dan il-għan, li joffru interventi speċjalizzati biex b’mod ħolistiku jkunu ta’ sostenn għal dawn il-persuni f’mument tant delikat f’ħajjithom.”
Xi jfisser għalikom li proprju matul din is-sena qed tiċċelebraw it-30 sena anniversarju mit-twaqqif tagħkom bħala Fondazzjoni?
“Dan it-30 sena anniversarju jfisser ħafna. Huwa mument fejn inħossuna kburin li minkejja d-diffikutajiet u l-isfidi li ħabbatna wiċċna magħhom matul is-snin, bqajna għaddejjin. Hu mument fejn nieqfu u napprezzaw ix-xogħol u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha li matul is-snin taw jew għadhom jagħtu l-kontribut tagħhom.
Dan huwa mument fejn niċċelebraw il-bidla pożittiva li ġibna fil-ħajja tal-mijiet ta’ persuni li ħdimna u għadna naħdmu magħhom imma ma niqfux hawn. Inħarsu ‘l quddiem għal ħafna iktar snin ta’ ħidma sabiex inkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.”