Thursday, October 23, 2025

Dodo Soares … kapaċi jgħaqqad kulturi differenti u jispira lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex isegwu l-ħolm tagħhom b’passjoni u dedikazzjoni

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-futbol dejjem kien parti fundamentali mill-ħajja ta’ Dodo Soares, li l-isem sħiħ tiegħu hu Ailton Jorge dos Santos Soares. Twieled fit-6 ta’ Diċembru 1990 f’Mindelo, Capo Verde, u mill-ewwel żmien ta’ tfulitu l-passjoni tiegħu għal-logħba kienet evidenti. Il-familja tiegħu dejjem ħeġġitu biex isegwi l-ħolm tiegħu u jagħmel passi importanti fil-karriera tiegħu, u minn hemm beda t-triq tiegħu fil-futbol professjonali.

Il-bidu tal-karriera tiegħu sar f’Capo Verde, fejn l-esperjenza lokali tatlu l-opportunità li jitħarreġ u jkompli jtejjeb il-ħiliet tiegħu. Din il-gazzetta ħaditlu l-kummenti f’intervista li għamilnilu ftit tal-jiem ilu.

“Bdejt il-karriera tiegħi f’Capo Verde u dejjem kont naf li biex nikber ridt immur nilgħab u nħares lejn esperjenzi barra minn pajjiżi,” qal Dodo. Huwa wettaq ix-xewqa tiegħu u beda dawn opportunitajiet barranin, u wara żmien fl-Italja u f’pajjiżi oħra Ewropej, il-wasla f’Malta kien bidla kbira fil-karriera tiegħu.

Fl-2019, Dodo ingħaqad ma’ Hamrun Spartans FC, fejn għadda erba’ snin intensivi u memorabbli. “Ma’ l-Ispartans rbaħna kollox,” spjega, “u kelli l-opportunità li nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna. Kull ġurnata kien hemm xi ħaġa ġdida biex titgħallem, u l-kompetizzjoni kienet intensa. Din kienet esperjenza fundamentali li ħalliet marka kbira f’ħajti.”

Matul il-perjodu tiegħu mal-Ispartans, il-prestazzjonijiet eċċellenti ta’ Dodo ħallew marka kbira fil-futbol Malti. Huwa rebaħ diversi drabi l-unur ta’ BOV Plejer tax-xahar, rikonoxximent li juri kemm kien konsistenti u kemm kellu impatt fil-grawnd. Il-kapaċità tiegħu li jħaddem l-attakk u jħalli marka fuq kull logħba għamluh plejer li kull tim ried jgħaddi miegħu.

Fl-2023, Dodo ħa esperjenza qasira iżda intensa fl-Arabja Sawdija ma’ Al-Ain FC.

“Kienu sena u nofs differenti ħafna,” qal. “Il-kultura kienet totalment differenti u l-futbol ukoll. Ma kienx faċli, imma tajt l-aħjar tiegħi u għamilt li stajt. L-esperjenza tatli l-opportunità li nara logħba f’kuntesti oħra u ntejjeb minn kull angolu possibbli.” Wara din l-esperjenza internazzjonali, Dodo reġa’ lura Malta, fejn llum jilgħab ma’ Marsaxlokk FC, u jħoss li hawn iħoss il-post tiegħu u jista’ jkompli jħalli marka fuq il-futbol Malti.

Fil-karriera tiegħu ma’ Marsaxlokk, Dodo wera l-kapaċità li jagħti kontribuzzjoni diretta fil-gowl u fid-dinamika tat-tim. “Diġà skorjajt xi gowls u l-għan tiegħi hu li ngħin lill-klabb jagħmlu tajjeb fil-kampjonat u anke fl-Ewropa,” qal. “Il-kampjonat Malti speċjalment il-format il-ġdid hu stramb, imma emozzjonanti; kull logħba hija bħal finali u rridu nagħmlu l-aħjar.”

Dodo kien ukoll plejer internazzjonali ma’ Capo Verde. “Minn meta bdejt naħdem mat-tim nazzjonali, rajt ħafna tibdil,” qal. “Qed niġġieldu biex niksbu l-kwalifikazzjoni għat-Tazza Afrikana u diġà lgħabt kontra timijiet qawwija bħal Kamerun u Mozambique. Dejjem hu unur li tirrappreżenta pajjiżek u tgħin lill-esperjenza tat-tim.” L-esperjenza tiegħu internazzjonali tatu l-opportunità li jifhem kemm hu kompetittiv u li jsib modi kif itejjeb il-logħba tiegħu f’kull sitwazzjoni.

Fir-rigward tal-livell tal-futbol Malti, Dodo osserva ħafna bidliet minn meta wasal fl-2019. “Meta wasalt, kien hemm seba’ barranin kull tim. Issa hemm aktar plejers barranin u l-kampjonat huwa aktar bilanċjat. Xi timijiet telgħu fil-livell u l-format tal-kompetizzjoni huwa interessanti. Kull logħba hi diffiċli u kulħadd irid itejjeb il-livell tiegħu. Il-Maltin għandhom il-potenzjal li jikbru aktar u qed naraw bidliet pożittivi fil-passjoni u l-professjonalità tal-plejers.”

Dodo jħoss li l-relazzjoni mal-kowċis kienet essenzjali fil-karriera tiegħu. Huwa semma lil Enzo Potenza, meta kien ma’ Floriana, rebaħ il-kampjonat magħhom u issa hu stess qed imexxih.: “Potenza hu persuna kbira u ferm professjonali. Ħadt gost nagħmel xogħol miegħu u għenni nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.”

Il-memorji tiegħu ma’ Ħamrun Spartans għadhom ħajjin f’moħħu: “Erba’ snin intensivi, irbaħna kollox. L-ambjent, il-ħbieb, il-kultura u l-istess partitarji kollox għenni nikber. Kull logħba, kull taħriġ, kulma ħdimna kien fundamentali biex insiru aħjar.”

Rigward il-futur tiegħu, Dodo huwa ċar u realistiku. “Għandi 34 sena u nixtieq inkompli nilgħab f’Malta għax hawn nħossni d-dar,” qal. “Fil-futur nista’ wkoll naħseb li nkun kowċ jew nikkontribwixxi fi skola tal-futbol jew akkademja. Il-futbol tani ħafna u nixtieq nħalli esperjenza tiegħi għall-ġenerazzjonijiet ġodda.”

Dodo ma nesiex biex jagħti l-messaġġ tiegħu għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. “Nitkellem ħafna mal-tfal u ż-żgħażagħ Maltin. Il-bidliet qed iseħħu u jgħiduli mhux faċli ssir plejer. Id-dixxiplina hi essenzjali. Trid tieħu l-futbol bħala passjoni, ħolma u xogħol. Ma tistax tistenna biss; trid tkun professjonali. Is-saħħa mentali hi kruċjali, speċjalment meta tilgħab barra minn pajjiżek. Jeħtieġ determinazzjoni u resiljenza biex tikseb dak li trid.”

Rigward l-istadium u l-infrastrutturi f’Malta, Dodo osserva: “Is-Centenary Stadium għandu wiċċ sintentiku tajjeb ħafna anke għax inbidel riċentement. Sfortunatament l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali ma tantx hu tajjeb bħalissa forsi għax ħafna drabi hemm ħafna logħbiet fi ftit ġranet.

Billi jġorr miegħu esperjenza internazzjonali u dedikazzjoni fil-futbol Malti, Dodo Soares jibqa’ eżempju ta’ professjonalità u passjoni. Minn Cape Verde sa Malta sal-Arabja Sawdija u l-esperjenza internazzjonali tiegħu, il-karriera tiegħu turi kif talent, impenn u determinazzjoni jistgħu jiftħu bieb għal opportunitajiet mhux mistenni u jħallu marka sħiħa kemm fil-klabb kif ukoll fil-livell nazzjonali.

F’kull logħba, Dodo juri li l-futbol mhux biss logħba, imma vokazzjoni fejn kapaċi jgħaqqad kulturi differenti u jispira lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex isegwu l-ħolm tagħhom b’passjoni u dedikazzjoni. Huwa plejer li juri kemm il-professjonalità kif ukoll l-imħabba vera lejn il-logħba tista’ tagħmel differenza kbira, u kif esperjenzi differenti jistgħu jgħallmu lill-plejer biex jikber f’kull aspetti ta’ ħajtu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport