Sunday, December 22, 2024

Dokument għall-konsultazzjoni pubblika rigward il-Fond Ewropew għall-Qasam Marittimu, is-Sajd u l-Akkwakultura

Minnu Malta se tibbenifika minn investiment ta’ madwar €29 miljun

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta f’Marsaxlokk dokument ieħor għall-konsultazzjoni pubblika rigward il-Fond Ewropew għall-Qasam Marittimu, is-Sajd u l-Akkwakultura li minnu Malta se tibbenifika minn investiment ta’ madwar €29 miljun.

Dan id-dokument huwa wieħed minn sensiela  ta’ dokumenti għall-konstultazzjoni pubblika dwar kif Malta se tonfoq parti oħra mill-allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun ta’ fondi Ewropej għas-snin 2021-2027.

Waqt li nieda dan id-dokument, is-Segretarju Parlamentari sostna li għalkemm l-industrija tal-qasam tas-sajd hija relattivament żgħira, xorta waħda għandha importanza kbira għal Malta u Għawdex.

Għaldaqstant, il-programm se jkun qed jindirizza d-diversi sfidi li s-sajjieda Maltin iħabbtu wicċċhom magħhom ta’ kuljum, fosthom in-nuqqas ta’ interess taż-żgħażagħ fis-settur, l-impatt tal-COVID-19 u flotta tas-sajd li dejjem qed teqdiem.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega kif, permezz ta’ dawn il-fondi, anke is-settur tal-akkwakultura se jkun jista’ jinvesti  fir-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tas-sostenibilità tas-settur, fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-impatt ambjentali.

Id-dokument jitratta wkoll l-impatt u l-pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar u l-kosta Maltija fejn parti mill-infiq se jkun allokat sabiex jingħelbu diversi sfidi, fosthom iż-żamma ta’ popolazzjonijiet ta’ ħut u frott tal-baħar, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-impatt tad-tibdil fil-klima fuq l-ambjent marittimu u kostali.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li dan il-fond se jkun qed jikkumplimenta nfiq minn programmi oħra li minnhom dan il-qasam jibbenefika wkoll, fosthom allokazzjonijiet mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

L-ewwel prijorità li għaliha se jkunu qed jiġu allokati €25 miljun minn dan il-fond Ewropew se tkun qed tindirizza t-trawwim ta’ industrija tas-sajd sostenibbli flimkien mar-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bioloġiċi fil-baħar.

Zrinzo Azzopardi żied jgħid li b’din l-allokazzjoni, se jkunu qed jiġu msaħħa attivitajiet tas-sajd li jkunu ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, u ser tingħata għajnuna lil dawk li jieqfu temporanjament mix-xogħol f’dan il-qasam sabiex ikollhom sostenn biex itejbu l-livell ta’ għajxien tagħhom.

It-tieni prijorità li għaliha se jiġu allokati €4 miljun, se titratta t-trawwim ta’ attivitajiet sostenibbli u l-ipproċessar u l-promozzjoni ta’ prodotti tal-ħut u tal-akkwakultura biex b’hekk tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea. Dan se jsir billi jiġu promossi strateġiji ta’ bejgħ, kwalità u valur miżjud ta’ prodotti mis-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll l-ipproċessar tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li dan l-investiment se jkompli jibni fuq azzjonijiet li ttieħdu qabel sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumatur dwar l-ispeċi ta’ ħut lokali, inkluż dawk imkabbra fil-farms, id-diversità u l-istaġjonalità tagħhom.

L-investimenti proposti f’dan id-dokument huma wkoll fid-direzzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew –  interventi mmirati li jappoġġjaw is-sostenibilità soċjo-ekonomika u ambjentali tal-oqsma tas-sajd u l-akkwakultura, u b’enfasi akbar fuq ir-riċerka ħalli jittieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar l-għarfien, il-kontroll u l-infurzar ta’ dak li għandu x’jaqsam mal-qasam marittimu.

Il-pubbliku inġenerali u l-istakeholders kollha huma mħeġġa jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika billi jibagħtu s-suġġerimenti jew il-kummenti tagħhom sal-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru permezz ta’ email lil [email protected] jew ittra lid-Direttur Ġenerali, Taqsima Strateġija u Implimentazzjoni, Taqsima Fondi Ewropej, 32, House of Catalunya, Marsamxett Road, Valletta.

Id-dokument sħiħ jista’ jitniżżel mis-sit elettroniku www.eufunds.gov.mt.

Ekonomija

Sport