L-ossessjoni ta’ Donald Trump dwaru nnifsu se twassal biex huwa jsir l-ewwel president tal-Istati Uniti li jkun għadu fil-kariga li jkollu l-firma tiegħu tidher fuq il-karti tal-flus tal-Istati Uniti.
Id-dipartiment tat-teżor ħabbar li l-firma ta’ Trump se tidher ħdejn dik tas-Segretarju tat-Teżor Scott Bessent, f’mossa bla preċedent li d-dipartiment tat-teżor qal li se timmarka l-250 anniversarju tal-Amerika.
Il-karti tal-flus tal-Istati Uniti tradizzjonalment kellhom il-firem tal-uffiċjali tat-teżor biss.
Din hija l-aħħar mossa mill-amministrazzjoni preżenti tal-Amerka biex tassoċja l-isem ta’ Donald Trump ma’ firxa ta’ programmi tal-gvern u bini pubbliku.
L-ewwel karti tal-100 dollari bil-firem ta’ Trump u Bessent se jiġu stampati f’Ġunju. Il-karti tal-flus li għadhom jiġu stampati bħalissa għandhom il-firem tas-Segretarju tat-Teżor tal-eks President Joe Biden, Janet Yellen, u t-Teżorier Lynn Malerba.
Ilha tradizzjoni mill-1861 li l-firma tat-teżorier tal-Istati Uniti tidher fuq il-karti tal-flus, tradizzjoni li se tintemm taħt il-pjanijiet tal-amministrazzjoni Trump.
It-Teżorier attwali tal-Istati Uniti Brandon Beach wiegħed li l-munita tal-pajjiż se tibqa’ simbolu ta’ prosperità, saħħa, u l-ispirtu sod tal-poplu Amerikan.
Din is-sena taħbat il-250 anniversarju mid-dikjarazzjoni formali meta t-13-il kolonja Amerikana oriġinali, li aktar tard saru stati, iddikjaraw l-indipendenza tagħhom mill-Gran Brittanja.
Il-gvernatur Demokratiku ta’ California Gavin Newsom, kritiku feroċi ta’ Trump għal żmien twil, wieġeb għat-tħabbira b’attakk fuq ir-rekord ekonomiku tal-president.
Aktar kmieni dan ix-xahar, kummissjoni federali tal-arti approvat munita tad-deheb kommemorattiva ta’ 24 karat b’wiċċ Trump, biex ukoll tiċċelebra l-250 anniversarju tal-Amerika.

