Tuesday, May 14, 2024

“Domt sakemm kelli 32 sena biex aċċettajt dak li jien … nemmen li t-tfal għandhom ikunu mgħarrfa”

Marietta Wilson, omm li batiet minħabba t-taboo kbira li kien hawn f’pajjiżna

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Aħna u huma”. “Dawk u l-oħrajn”. “It-tajbin u l-ħżiena”. “Fil-partiti tal-festi minn mal-blu u min mal-aħmar”. “ Il-Maltin u l-barranin”.  “Tan-nofsinhar u dawk tan-naħa ta’ fuq”. ‘Dawk tal-flus u dawk li jaqilgħuha u jikluha’. “Aħna nistgħu niffesteġġjaw imma ħaddieħor ma jistax għax iċ-ċelebrazzjoni tiegħu ddejjaq lin-nies”.   Dawn huma dikotomiji li trawmu f’ħafna minnha. Dikotomoji li ġew mill-iskejjel tagħna, mis-soċjetà inġenerali, mill-familja, mill-għaqdiet. Dikotomiji li ma jtukx ċans tosserva. Ma jħallukx tanalizza. Tara biss naħa pożittiva u naħa negattiva.  Dik kienet id-dinja tas-snin sebgħin, tas-snin tmenin u tas-snin disgħin u anke wara. Dinja li tellgħatna b’ħafna perċezzjonijiet u sterjotipi. Dinja li tellgħatna f’ambjent fejn aktar iva milli le nippruvaw nimponu dak li nemmnu jew dak li nħaddnu fuq ħaddieħor. Kienet dinja fejn fiha b’xi mod wieħed seta’ jiċċensura biex iżomm ideat, ħsibijiet jew affarijiet oħra milli jaslu fis-soċjetà jew għand it-tfal. IIlum qegħdin ngħixu f’dinja totalment differenti. Illum hu impossibbli li dan isir, apparti li minnha nfiha ċ-ċensura hi xi ħaġa negattiva, għax iċċaħħad tfal u individwi mill-opportunità li josservaw u jesperjenzaw id-dinji ta’ madwarhom kif inhi.  

Proprju fl-aħħar jiem, erġajna esperjenzajna sitwazzjoni f’pajjiżna fejn attività fil-belt intitolata ‘Dancing with Pride’ u li kienet attività immirata għall-etajiet kollha, kienet kritikata bil-kbir u dan sempliċiment għax dehru tfal f’din l-attività u magħhom ‘Drag Queen’ – raġel liebes ta’ mara. L-attività kienet intiża biex niċċelebraw id-diversità, li kulħadd hu differenti, li kulħadd hu ugwali, li kulħadd għandu l-istess drittijiet immaterjalment mill-ġeneru jew mis-sesswalità ta’ dak li jkun. Kienet attività li fiha tfal ingħataw iċ-ċans li josservaw u jesperjenzaw id-dinja kif inhi llum, id-dinja li se jiffaċċjaw huma stess fi żmien li ġej. Kritika qawwija li ġiet minn persuni iffurmat u mtellgħin f’dinja totalment differenti minn dik ta’ llum.

Quddiem din is-sitwazzjoni, u kummenti ta’ mibegħda li ġew espressi, IT-TORĊA tkellmet ma’ Marietta Wilson, omm gay li damet 32 sena biex aċċettat dak li hi llum.

Tgħidilna li “hawn min ma jifhimx li jekk inti tħossok hekk l-ebda tagħlim mhu se jibdlek. Jekk inti straight, straight se tibqa’. Ma tistax tiġi gay għax minn meta kont żgħira għallmuk fuq l-LGBT jew esponewk għall-gays”. 

Tenfasizza li “jien persuna gay. Issa ilni miżżewġa erba’ snin u ilni ma’ l-istess mara 11-il sena. Għandi żewġt itfal tiegħi illum ġuvintur. Minn dejjem kont nħossni differenti imma peress li fi żmieni kien hawn taboo kbira ma kontx naf x’jien eżatt. Anzi ħa ngħidu hekk kont inħoss x’jien imma kont nibża’ u ma kontx naċċettaha”.

Tkompli tgħid li “domt sakemm kelli 32 sena biex aċċetajt dak li jien u nista’ ngħid li wara 32  sena issa jien kuntenta u sibt ħajti. B’hekk nemmen li t-tfal għandhom ikunu mgħarrfa fuq dawn l-affarijiet. Nista’ nassigurakom li jekk ikunu straight straight se jibqgħu. L-emozzjonijiet mhux xi ħaġa li tista’ tibdilha. Ma naqbilx li ġenituri jissejħu ‘parent 1 u 2’ anzi nemmen li għandhom jibqgħu jissejħu ‘omm’ u ‘missier’. Uliedi it-tnejn li huma subien. It-tnejn li huma għandhom tfajla u għalhekk ma ġewx influwenzati minnha. Jien qbadt mal mara li għandi meta huma kienu żgħar. Għalhekk kibru magħna. Ma nemminx li għax inti gay għandek toħroġ barra u iddoqq it-trumbetti. Imma lanqas nemmen li għax inti gay tilbes esaġerat biex turi x’int. Gay pride immur għax inħobb il-brijju bħal meta immur f’xi marċ tal-festa. Lil uliedi rabbejthom imorru id-duttrina u jmorru ‘lquddies. Issa erħilu  li meta kibru telqu kollox imma dik għażla tagħhom. Qatt ma ippruvajt ninfluwenzahom imma urejthom li jgħixu ħajjithom, kif iħossuwhom komdi huma. Ma nemminx li jekk tifla ta’ seba’ snin tiġi tgħidlek hi hija tifel għandek tmur tixtrilha ħwejjeġ ta’ tifel. Nemmen li  għandek tistenna sakemm ikollha żmien biżżejjed li tifhem dak li tħoss u tkun ċerta min dak li trid” ittemm tgħid Marietta.

Irridu nagħfsu aktar dwar il-kompassjoni, l-empatija u d-diversità

Jitkellem ma’ IT-TORĊA, edukatur dwar il-kritika li saret. Jgħidilna li “mhux sorpriż bir-reazzjoni ta’ xi ġenituri għal fatt li kien hemm tfal li ttieħdu għal attività fejn kien hemm Drag Queen. Ħa ngħiduha biċ-ċar, li dawk ma marrux minn jeddhom imma ttieħdu mill-ġenituri. Imma lanqas li kieku ma kienx hekk, wieħed irid jifhem li llum id-dinja inbidlet. Forsi inbidlet b’mod mgħaġġel li mhux kulħadd laħħaq magħha. Forsi hawn min għadu jaħseb li għadu jgħix fid-dinja tas-snin tmenin jew disgħin. U allura meta jkun hemm xi ħaġa ġdida jew li ma tantx naraw bħalha, ir-reazzjoni tagħna, bħala soċjetà li minkejja kollox għadna xi ftit jew wisq magħluqin fejn tidħol il-mentalità fuq ċerti kwistjonijiet, tistenna l-ippuntar tas-swaba. Joħorġu immedjatament l-akkużi. Din narawha ħafna fl-iskejjel. Ikun hemm min jilmenta li qed inkellmuhom fuq issues simili. Jgħidulna it-tfal għadhom żgħar. Anke meta nkellmuhom fuq sesswalità jkun hemm min jgħidilna li ‘għadhom żgħar’ jew ‘fuq sesswalità ngħallmuhom jien u missierha mhux intom’.  Donnu hawn min ma jifhimx li l-iskejjel qegħdin hemm biex jagħtu edukazzjoni wiesa lit-tfal. Donnu hawn min jaħseb li l-edukazzjoni qiegħda hemm għal suġġetti akkademiċi biss. Nemmen li rridu nmorru lejn sitwazzjoni fejn lit-tfal li telgħin ngħallmuhom fuq id-diversità. Ngħallmuhom iħaddnuha. Nkellmuhom fuq l-importanti tal-empatija, il-kompassjoni. Li kulħadd hu indaqs irrispettivament minn reliġjon, kulur tal-ġilda, opinjoni politika jew etniċità. Jien nuża l-argument tal-ballun, min jarah minn naħa jara mod u min jarah minn naħa oħra jista’ jara faċċata oħra, iżda hemm l-istess ballun. Kemm se ndumu nirremettu dak li tlajna bih, dak li sqietna u bellgħatilna id-dinja fi żmien ieħor. L-indifferenzi, il-preġudizzji.  Kemm għandna bżonn fis-soċjetà tagħna li ninqatgħu minn dawn il-preġudizzji. Li jkollna ħelsien minnhom. Meta se jifhmu xi ġenituri li wild ma jsirx gay imma jitwieled hekk.  Jien ngħid li l-unika konsegwenza possibbli f’attività bħal dik hi li t-tfal li jattendu jħossuhom komdi bihom infushom, irrispettivament  minn kif inhuma. Li tfal jifhmu li hemm realtajiet differenti. Li hemm min hu differenti minnhom.  Nemmen li wara kritika qawwija għal xi ħaġa simili, hemm biss ħsieb omofobiku u xejn iżjed. Sar ħafna tibdil. Iddaħħlu drittijiet. Fadal ħafna xi jsir fuq il-mentalità”, temm jgħidilna l-edukatur.

Sport