Tħabbar li l-eks President tal-Istati Uniti, Donald Trump, huwa formalment akkużat b’att kriminali u dan ifisser li se jkun l-ewwel president fl-Istorja Amerikana li se jiffaċċja tali akkużi serji. Bħal kull akkużat, Trump se jgħaddi mill-istess proċeduri u jingħata d-drittijiet tiegħu.
Ġurija fi New York ivvotat favur li Donald Trump għandu jidher quddiem il-qorti b’akkużi kriminali. Dan ġie kkonfermat mill-avukati tal-istess negozjant biljunarju li tul il-Presidenza tiegħu kien kontroversjali ħafna.
Din il-ġurija kienet qiegħda tinvestiga ħlas minn taħt lil żewġ nisa li allegaw relazzjoni intima ma’ Trump. Dan il-ħlas sar pubbliku ftit wara li ġie elett fl-2016 f’xhieda taħt ġurament li ngħatat waqt li Trump kien qiegħed imexxi l-White House.
L-avukat ta’ dan l-eks President, Joe Tacopina qal li Trump mistenni jkun fi New York nhar it-Tlieta li ġej biex jagħti ruħu b’idejh lill-awtoritajiet.