Saturday, November 23, 2024

Donald Trump inkwetat bil-folol li qed isegwu lil Kamala Harris

Aqra wkoll

Donald Trump, il-Kandidat Repubblikan għall-Presidenza tal-Istati Uniti fil-kampanja tiegħu mhux jitkellem dwar kwistjonijiet li jolqtu lin-nies direttament imma jinsab ossessjonat jikkumpara l-folol li jattendu għar-rallies tiegħu ma’ dawk tal-Viċi President attwali u l-avversarju politiku tiegħu Kamala Harris.

Tant Donald Trump jinsab ossessjonat li l-iddikjara b’mod falz li l-folla li nġabret għar rally ta’ Kamala Harris fl-istat ta’ Michigan il-ġimgħa li għaddiet “ma kinitx teżisti” u kienet immaġni ġġenerata mill-intelliġenza artifiċjali. Ir-ritratt inkwistjoni juri folla kbira fir-rally tal-kandidata Demokratika f’Detroit.

Trump qal fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu li r-ritratt kien falz u ma kien hemm “ħadd” jistenna lil Harris fl-ajruport. Madankollu, f’diversi stampi u vidjows oħra, xi wħud meħuda minn nies preżenti u wkoll minn timijiet ta’ ġurnalisti tal-aħbarijiet televiżivi u fotografi ta ‘aġenzija, tidher folla emmensa ta’ nies fl-avveniment.

Bosta ritratti meħuda fl-avveniment minn Getty Images juru folla kbira. Filmati miġbudin minn diversi organizzazzjonijiet tal-midja indipendenti, fosthom NBC News u PBS, juru xeni simili.

Il-midja lokali MLive kopriet l-avveniment u kkalkula li kien hemm madwar 15,000 ruħ fir-rally ta’ Kamala Harris li saret fl-Ajruport Metropolitan ta’ Detroit. BBC Verify iċċekkja l-metadata u sab li r-ritratt publikat tal-folla kien awtentiku u bl-ebda mod ma seta ġie modifikat mill-intelliġenza artifiċjali.

Donnu li l-entużjażmu u l-enerġija ġdid li hemm fil-partit demokratiku u fil-kampanja ta’ Kamala Harris qed jinkwietaw u ħawwdu bis-sħiħ lil Donald Trump, li saħansitra ftit jiem ilu biss ħareġ bl-istupidaġni illi l-folol li qed jattendu għar-rallies tiegħu huma storiċi.

Sa wasal biex qal li huma akbar anki mill-marċ famuż li kien mexxa Martin Luther King “March on Washington for jobs and freedom” fl-1963 li għalih attendew iktar minn 200,000 persuna tant li baqa’ magħruf fl-istorja Amerikana bħala l-akbar marċ li qatt sar fl-Istati Uniti.

Sport