L-eks President Amerikan Donald Trump qal li sar rejd mill-FBI fid-dar tiegħu fi Florida u li l-aġenti fetħu s-‘safe’ li kien hemm. Fi stqarrija, Trump qal li Mar-a-Lago f’Palm Beach kienet “okkupata minn grupp kbir tal-aġenti tal-FBI.”
It-tfittxija li saret matul il-jum tat-Tnejn kienet irrappurtata konnessa ma’ investigazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ Trump ta’ dokumenti uffiċjali.
“Dawn huma żminijiet koroh għan-nazzjon tagħna,” qal l-eks President Amerikan fl-istqarrija. “Xejn bħal dan qatt ma ġara lil President tal-Istati Uniti qabel.”
Sadanittant, kemm l-FBI kif ukoll id-Dipartiment tal-Ġustizzja ma kkummentawx fuq it-tfittxija.
Il-Presidenti Amerikani huma mitluba, skont l-Att dwar ir-Rekords Presidenzjali, biex jittrasferixxu l-ittri kollha tagħhom, id-dokumenti tax-xogħol u l-emails lill-Arkivji Nazzjonali.
Hemm ukoll liġijiet federali oħra li jikkonċernaw l-immaniġġjar ta’ dokumenti klassifikati. L-aġenzija aktar tard qalet lill-Kungress li l-kaxxi kienu jinkludu “oġġetti mmarkati bħala informazzjoni klassifikata dwar is-sigurtà nazzjonali.”