Friday, December 27, 2024

Donald Trump mhux se jieħu sehem f’dibattiti Presidenzjali

Aqra wkoll

Kontra kull prassi fl-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti, Donald Trump ikkonferma li mhux se jieħu sehem fid-dibattiti presidenzjali Repubblikani mar-rivali tiegħu fit-tellieqa għall-White House.

L-eks-president Trump iddeċieda li ma jieħux sehem fid-dibattiti wara li stħarriġ reċenti wera li kellu appoġġ sostanzjali u skont hu se jkun in-nominat tal-partit għall-elezzjoni tal-2024.

“Il-pubbliku jaf min jien u x’Presidenza ta’ suċċess kelli,” kiteb Trump, li llum għandu 77 sena, f’post fuq il-midja soċjali.

L-ewwel dibattitu primarju presidenzjali Repubblikan se jkun fit-23 ta’ Awwissu. It-tieni dibattitu possibbilment isir l-għada. Mill-inqas żewġ dibattiti oħra huma mistennija fix-xhur ta’ wara. Il-votazzjoni fl-elezzjoni primarja Repubblikana tibda fl-istat ta’ Iowa fil-15 ta’ Jannar 2024.

Nhar il-Ħadd, f’post fuq il-pjattaforma tiegħu, “Verità Soċjali” Trump ikkwota minn stħarriġ riċenti tas-CBS li wera li l-appoġġ li jgawdi huwa wieħed leġġendarju. Żied jgħid li diversi kontendenti oħra – inkluż il-Gvernatur ta’ Florida Ron DeSantis – għadhom lura ħafna. L-istħarriġ tas-CBS wera li Trump għandu appoġġ ta’ 62%, ferm iktar mill-eqreb sfidant tiegħu, Ron DeSantis, li għandu appoġġ ta’ 16%.

Biex jiġġustifika s-suċċess tal-presidenza tiegħu, Trump ftaħar li tul il-presidenza tiegħu bejn l-2017 u l-2021 ta Indipendenza akbar lis-settur tal-enerġija, saħħaħ il-fruntieri u kompla qawwa l-Militar. Kiteb ukoll li fi żmienu, l-Istati Uniti rat l-akbar tnaqqis fit-taxxi u tneħħew bosta regolamenti, l-inflazzjoni baqgħet baxxa ħafna u l-ekonomija saret aktar robusta. Għal dan kollu, huwa qal li ma kellux għalfejn jagħmel dibattiti mar-rivali repuibblikani tiegħu.

Donald Trump, il-45 President tal-Amerika, f’dawn l-aħħar xhur ġie akkużat kriminalment erba’ darbiet, u se jkollu jiffaċċja sensiela ta’ proċessi quddiem il-qrati fl-2024 hekk kif jerġa’ jikkontesta għall-White House.

Huwa ddeskrieva l-akkużi bħala “kaċċa” politika kontrih. L-akkużi jistgħu – fit-teorija – iwasslu għal sentenzi u pieni ta’ ħabs sostanzjali jekk huwa jinstab ħati.

Iżda l-loġistika, is-sigurtà u l-karċerazzjoni ta’ eks president ifissru sentenza ta’ ħabs konvenzjonali meqjusa bħala improbabbli minn ħafna esperti.

Ekonomija

Sport