Is-suċċess tal-pantomima Frizella, imtella’ mill-iskola Sekondarja Pietru Pawl Saydon fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu, ma nħassx biss fuq il-palk iżda wkoll fil-qalb tal-komunità. Teatru mimli sa ruħu, atmosfera ta’ ferħ u divertiment, u udjenza li flimkien mal-atturi gawdiet spettaklu memorabbli, għamlu minn din il-produzzjoni esperjenza speċjali għal kulħadd.
Madankollu, il-qofol kien mument emozzjonanti meta fuq il-palk ingħaqdu tfal mistiedna speċjali għal attività ċkejkna, segwita minn sorpriża li verament laqtet il-qlub ta’ dawk preżenti. Bħalma jsir kull sena, parti mill-qligħ tal-pantomima tmur għal għan nobbli, u din is-sena l-għajnuna kienet indirizzata lit-tfal tal-Ursolini li jirrisjedu f’Angela House.
Għal dan il-għan, ġew mistiedna fuq il-palk żewġ sorijiet tal-Ursolini, li lilhom ġie ppreżentat ċekk ta’ €700. Din is-somma nġabret mill-bejgħ ta’ Christmas Logs li ġew ippreparati b’mod volontarju mill-għalliema tal-iskola. Barra minn hekk, id-Deputat Kap tal-iskola, is-Sa. Pamela Schembri, ippreżentat ċekk ieħor ta’ €3,500 bħala parti mill-qligħ tal-pantomima Frizella.
L-ispirtu ta’ ġenerożità ma waqafx hemm. F’appell li sar fi ftit sigħat, inġabru numru kbir ta’ Rigali, stationary u toiletries li ser jitqassmu lit-tfal tal-Ursolini.
Kull min ser jattendi għall-pantomima hu mħeġġeġ iġib rigal miegħu biex flimkien inkomplu nferrħu lil dawn it-tfal. Huwa rrakkomandat li fuq ir-wrapping paper jiġi indikat jekk ir-rigal huwiex għal tifel jew tifla, kif ukoll l-età addattata. Dawn ir-rigali ser jiġu ppreżentati lis-Sorijiet ta’ Angela House nhar it-Tnejn, 22 ta’ Diċembru, f’isem dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom.
Fl-aħħar nett, infakkru lill-pubbliku li għad fadal żewġ wirjiet oħra miftuħa għall-pubbliku tal-pantomima Frizella, is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin. Biljetti jistgħu jinxtraw minn www.ticketline.com.mt.

