Il-Malta Futsal Team ingħaqad mal-ġenerożità kbira li twasslet dan l-aħħar mill-pubbliku Malti fid-donazzjoni ta’ fondi lill-Fondazzjoni Puttinu Cares.
B’kollox inġabru €1,500 bejn players u staff tal-Malta Futsal Team waqt il-vjaġġ riċenti tagħhom fin-Norveġja fejn ħadu sehem fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Futsal tal-FIFA fejn anke kisbu l-ewwel punt tagħhom fil-kwalifiki għat-Tazza tad-Dinja fi draw ta’ 2-2 kontra Ċipru.
Delegazzjoni tal-Futsalmarret fir-Rainbow Ward fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo ġewwa l-isptar Mater Dei u din il-preżentazzjoni kienet immexxija mill-kap tal-affarijiet tal-Futsal fi ħdan il-MFA, Mark Marlow, li ngħaqdu miegħu players tat-team nazzjonali tal-futsal, il-captain Mark Zammit li jilgħab ma’ Luxol St. Andrews Futsal u Luca Gatt li jilgħab ma’ Valletta FC Futsal.
Marlow enfasizza l-fatt li l-isport mhux kollox dwar l-azzjoni, il-kompetizzjoni u l-promozzjoni tal-logħba, “Jeħtieġ inkunu minn ta’ quddiem u proattivi f’termini ta’ dmirijiet ta’ responsabbiltà soċjali tagħna billi nikkontribwixxu direttament għal dawk fil-bżonn u diffikultajiet li dawk ta’ madwarhom qed isofru.”
Għal bosta snin il-Fondazzjoni Puttinu Cares ilha tiġbor fondi biex tgħin persuni li jeħtieġu kura fir-Renju Unit, hekk kif kull xahar ammont sostanzjali ta’ individwi flimkien mal-familji tagħhom ikollhom jagħmlu dan il-vjaġġ mhux mixtieq fir-Renju Unit biex ikomplu bil-kura tagħhom u jiġġieldu l-marda tal-kanċer.